Skip to main content

Qari bil-Għaqal

“Ħabrek biex tiġi għandi malajr, għax Dema, billi ħabb id-dinja preżenti, abbandunani u mar Tessalonika. Kreskes mar fil-Galazja, u Titu fid-Dalmazja. Luqa biss jinsab miegħi. Aqbad lil Mark u ġibu miegħek, għax hu utli għalija fil-ministeru. Lil Tukiku bgħattu Efesu. Meta tkun ġej, ġib miegħek il-kapott li ħallejt warajja fi Troas ma’ Karpu, u l-kotba, speċjalment il-parċmini. Alessandru l-bronżar għamilli xebgħa ħsara; is-Sid għad iroddlu skont l-opri tiegħu. Int ukoll għassislu, għax oppona l-messaġġ tagħna vigorożament” (2 Timotju 4:9-15).

Avolja kien jaf li se tinqatagħlu għall-mewt, Pawlu baqa’ attiv intellettwalment. X’kuntrast ma’ ċerti Kristjani llum! Qajla għandhom ix-xewqa biex jistimulaw imħuħhom ħalli jikbru intellettwalment. Irridu ngħidu wkoll li l-għajta popolari hi kontra l-intellettwaliżmu. 

Huwa minnu li t-tagħrif jista’ jneffħek u allura jisfa detrimentali. Ma naħsibx, però, li dan huwa l-periklu tal-ġenerazzjoni moderna. Għall-kuntrarju, xbajt niltaqa’ ma’ Kristjani li huma, fil-vera sens tal-kelma, biblikament injoranti! Naf x’jien ngħid.

Imbagħad, jekk nirrealizzaw kemm nies, matul is-sekli, attribwew il-konverżjoni tagħhom jew il-progress spiritwali tagħhom għal xi ktieb partikolari, allura l-każ hu magħluq. Alla tabilħaqq jogħġbu juża l-letteratura Kristjana biex iressaqhom lejh. 

Allura meta wieħed jammetti kemm hu imperattiv naqraw, irridu naqraw ħwejjeġ li jwasslu għall-vitalità spiritwali. Mhux lant taqra kulma jiġi għal idejk. Ktieb tajjeb iġiegħlek taħseb u jħajrek timraħ lil hinn minnu nnifsu. Preferibbilment m’għandux ikun ktieb informattiv biss, imma jispira wkoll. Mhux biss ifarraġ, imma jisfida wkoll, u viċe versa. 

Il-Puritani ħallewlna legat ta’ letteratura Kristjana. Meta tkun introdott għaliha, tkun qisek dħalt għal eżaminazzjoni metikoluża, bil-kirurġija, trattament u rikoverta b’kollox. Kultant mhix esperjenza pjaċevoli, imma l-qarrej ċertament jimmiljora ruħu. 

Tgħaġġilx fil-qari. Ftakar li l-qari hu strumentali; mhuwiex għan fih innifsu. Il-filosfu Epittetu fehem sewwa d-differenza bejn mezz u għan, u ma kienx impressjonat bl-għadd ta’ kotba li l-istudenti tiegħu kienu jaqraw. Regolarment iddomanda mingħandhom, “Uruni xi progress għamiltu s’issa!”

Nota: Għall-qari Kristjan bil-Malti nirrikmanda ħafna l-kotba ta' Pubblikazzjonijiet Qum (Mob. 79048186). Huma kotba li jgħallmuk u jinkuraġġuk tistudja l-Iskrittura Mqaddsa bir-rispett li jixraqilha. 

Talba: “Missier twajjeb, int għallimt il-knisja tiegħek matul is-sekli permezz tal-Ispirtu tiegħek. Illum għandna letteratura rikka ta’ ħsieb u espożizzjoni biblika. Stimulali moħħi biex naqra b’mod silettiv u b’dixxerniment; fil-qari għinni nimmedita, nitlob, nitgħallem u napplika għall-ħajja personali tiegħi. Tħallinix naqra bla ħsieb; ħa jkun kull qari tiegħi għajnuna biex nifhem aħjar il-Kelma Mqaddsa tiegħek, u biha nevalwa wkoll kulma naqra jew nisma’.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...