Skip to main content

Il-Kuxjenza

“Issa l-ftaħir tagħna hu dan: ix-xhieda tal-kuxjenza tagħna, illi kkomportajna ruħna fid-dinja, u speċjalment fir-relazzjonijiet tagħna magħkom, bis-santità u s-sinċerità li huma mingħand Alla, mhux b’għerf mondan iżda bil-grazzja t’Alla. Għax ma niktbulkomx ħwejjeġ oħra barra minn dak li taqraw jew tifhmu, u nittama illi se tifhmu kompletament, bħalma wkoll fhimtuna parzjalment, illi intom tistgħu tiftaħru bina bħalma aħna wkoll niftaħru bikom f’jum Sidna Ġesù” (2 Korintin 1:12-14).

Il-Mulej, li appunta d-deputat tiegħu, il-kuxjenza, f’ħobb il-bniedem, għamel hekk għad-dinjità u l-benessri tagħna nfusna. Għalkemm sikwit il-kuxjenza tibqa’ newtrali waqt it-twettiq tal-att jew waqt il-kummissjoni tad-dnub, aktar tard tagħti prova kemm hi xhud fidila u ħabiba mal-Mulej, imma avversarju kontra l-midneb. Iddur kontrina biss meta aħna nduru kontra tagħha. Anke meta ma tkellimniex, tkun qed tikteb. Mhux biss hi xhud, imma tirreġistra. Iżżomm ktieb ta’ rekordju, bħal meta jingħad li d-dnub ta’ Ġuda hu miktub b’pinna tal-ħadid, u bil-ponta ta’ djamant. 

Hu x’inhu, il-ministeru tagħha, intenni, jitwettaq għall-ġid tagħna, anke meta tiġġieled kontrina. Bħalma wieħed mifni b’deni qalil hu isħan minn wieħed imqadded f’xemx tisreġ, hekk dak il-bniedem hu aktar imqalleb jekk qed jissara ma’ kuxjenza ħatja milli bniedem twajjeb maħbut b’afflizzjonijiet esterni. 

Imsejkna tassew huma dawk li jfittxu joqtlu l-kuxjenza tagħhom stess. Ikunu daħlu jħebbu fi triq ir-rovina; ikunu waslu biex jinnawfragaw lilhom infushom fuq is-sikka ta’ destin intollerabbli. Meta wieħed isoddilha ħalqha kontinwament, il-kuxjenza tgħejja, u ċ-ċanfir tagħha qajla jibqa’ effettiv. Jekk ma timmutax għalkollox, sidha jittarrax għat-twiddib tagħha. Jiġrilu bħal dawk li jgħammru qrib kaskata, li bil-ħoss kontinwu tagħha jittarxu jew inkella ma jagħtux kasu aktar.

Ħa nagħnet, għaldaqstant, biex ikolli u neżerċita kuxjenza tajba lejn Alla u l-proxxmu. Nikkommetti lil ruħi, ħajti u l-kawża tiegħi lill-Mulej. Imbagħad nistenna l-agħar mingħand il-bnedmin, u l-aħjar mingħand Kristu. 

Talba: “Mulej, int waħdek Sid il-kuxjenza tagħna. Tħalliniex ninstarmu b’ordinanzi umani li b’ebda mod mhuma kmandati minnek. Mill-banda l-oħra agħmilna sensittivi għall-volontà tiegħek, u dejjem b’dispożizzjoni tajba biex inwettquha bl-onestà, għax int waħdek tifli l-qlub u l-intenzjonjiet tagħna.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...