Skip to main content

Dal-Ħobż Jissodisfa

“Għalhekk qalulu, ‘Sinjur, agħtina dejjem dal-ħobż.’ Imbagħad Ġesù ddikjaralhom, ‘Jien hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jġuħ qatt, u min jemmen fija mhu se jaqbdu għatx qatt. Iżda bħalma għidtilkom, rajtuni u frattant ma temmnux. Kulma jagħtini l-Missier se jiġi għandi, u kull min jiġi għandi żgurament mhux se nkeċċih ’il barra. Għax jien inżilt mis-sema mhux sabiex nagħmel il-volontà tiegħi, iżda l-volontà ta’ min bagħatni. U din hi l-volontà ta’ min bagħatni, li kulma tani mhu se nitlef xejn minnu, anzi se nqajmu fl-aħħar jum. Għax din hi l-volontà ta’ Missieri, li kull min iħares lejn l-Iben u jemmen fih, ikollu l-ħajja eterna, u jien innifsi se nqajmu fl-aħħar jum’” (Ġwanni 6:33-40).

L-Iben t’Alla umilja lilu nnifsu. Hu li hu tassew Alla, u li mal-Missier u l-Ispirtu s-Santu għammar fil-glorja tal-Ġenna, xejjen lilu nnifsu, niżel mis-sema u kien magħmul fix-xbieha ta’ bniedem. Ma ġiex biex jagħmel skont kif ifettillu, imma deher fostna bħala qaddej biex iwettaq ir-rieda tal-Missier li bagħtu. Ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi, u biex jagħti ħajtu b’fidwa, għall-ħelsien ta’ ħafna. Sar ubbidjenti f’kollox, imqar sal-mewt fuq salib. 

X’inhi r-rieda tal-Missier għalih? Il-Missier irid li Ibnu ma jitlifx imqar wieħed jew waħda min uliedu, imma li jqajjimhom fl-aħħar jum. U x’inhi r-rieda t’Alla għalina? Li kull min jara l-Iben u jemmen fih ikollu l-ħajja eterna. Lil Kristu tiltaqa’ miegħu u tarah fil-kelma tal-evanġelju. Emmint fih? Qiegħed tgawdi l-ħajja eterna?

Talba: “Mulej, int għidt illi għandek awtorità minn fuq biex tagħti l-ħajja ta’ dejjem li dawk kollha mogħtija lilek. Jien nirrikorri għandek. Jien nittama fik. Fejn qabel ħabbatt bibien oħra, issa ndur lejk waħdek, għax naf illi jekk se nsalva se ssalvani int. Kapaċi ssalvani, u trid issalvani. Glorja lilek, Feddej setgħani.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...