Skip to main content

X'Intrebaħ bir-Riforma Protestanta

F’ġieħ is-sewwa, tajjeb għalina llum, li ngħixu fi żmien modern, illi nħarsu lura u naraw x’inkiseb għalina biex ingawduh. U tajjeb nistaqsu aħniex tabilħaqq qed ingawduh, altrimenti jkun għajb jekk ninstabu nagħtu bis-sieq dak li ntrebaħ b’tant u tant sagrifiċċju, anke b’martirju ta’ bosta nies fidili illi ssieltu favur il-verità.

Dawn huma xi wħud mir-rebħiet tar-Riformisti (Luteru, Kalvinu, Zwingli u l-kollegi tagħhom) fis-seklu sittax:

1. Ir-Riforma ġabet libertà sħiħa għall-investigazzjoni xjentifika. Tat bidu għall-istorja moderna; spiċċa d-dlam tal-Medju Evu.

2. Aktar importanti, ir-Riforma kisbet id-dritt sagrosant għal-libertà tal-kuxjenza. L-individwu għaraf li mhuwiex imjassar għal istituzzjoni awtokratika u abbużiva, imma primjarament hu responsabbli lejn Alla, il-Ħallieq u s-Salvatur tal-bnedmin għal dawk kollha li jduru lejh b’indiema sinċiera, permezz ta’ Kristu Ibnu. 

3. Ir-Riforma aċċennwat is-saċerdozju tal-fidili kollha. M’għandniex bżonn medjazzjoni saċerdotali umana, ladarba Kristu hu l-Uniku Qassis li patta għad-dnub darba għal dejjem.

4. Ir-Riforma warrbet il-metodu sagramentali għas-salvazzjoni (bil-magħmudija u l-qrar, u l-opri tajba biex jinkiseb mertu), u minflok enfasizzzat ix-xandir pur ta’ l-Evanġelju, illi nsalvaw biss bis-saħħa tas-sagrifiċċju wieħed ta’ Kristu fuq is-salib, billi sempliċement nafdaw fih għall-maħfra sħiħa, skont il-ħniena t’Alla. 

5. Ir-Riforma virtwalment reġgħet skopriet u spjegat mill-ġdid l-Evanġelju: aħna magħduda ġusti quddiem Alla permezz tal-fidi biss fi Kristu biss. L-opri tajba huma riżultat ta’ fidi ħajja; b’ebda mod ma jimmeritaw il-Ġenna. Il-Kristjan jgħix ħajja qaddisa u ġusta b’ringrazzjament lil Alla għall-ħniena tiegħu lejh. 

6. Ir-Riforma għamlet l-Iskrittura Mqaddsa ktieb miftuħ għall-poplu, tradotta fi lsien in-nies, fejn qabel kienet moħbija wara salt antikalja u imbarazz ta’ tradizzjonijiet li nġema’ matul is-sekli.

7. Ir-Riforma tatna konċett bibliku ta’ x’inhi tabilħaqq il-knisja – il-ġemgħa tan-nies mifdija, li jemmnu u jipprattikaw il-fidi tagħhom bl-imħabba. Hemm differenza bejn organiżmu ħaj (il-Ġisem ta’ Kristu) u organizzazzjoni esterna (Knisja b’ġerarkija taħt il-ħakma ta’ Ruma). 

Qiegħed tgawdi minn dawn il-kisbiet? Qiegħed taqra mill-Iskrittura kuljum, u titma’ lil ruħek? Għaraft il-privileġġi li għandek bħala Kristjan, illi sservi lil Sidek bil-libertà kollha? Jew inkella għadek barra mis-saltna tas-smewwiet? F’dak il-każ, iddumx ma ddur. Ixrob mill-ilma tal-ħajja b’xejn. 

“Ġesù wieġeb, ‘Kieku kont taf l-għotja t’Alla u min hu dak li qed jgħidlek, ‘Agħtini nixrob,’ int kont tissupplika lilu, u hu kien jagħtik ilma ħaj...Kull min jixrob minn dan l-ilma se jerġa’ jaqbdu l-għatx; imma kull min jixrob mill-ilma li se nagħtih jien, qatt mhu se jaqbdu għatx, anzi l-ilma li se nagħtih se jsir fih funtana ta’ ilma tfawwar għall-ħajja eterna’” (Ġwanni 4:10,13-14).

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...