Skip to main content

Lezzjonijiet mir-Riforma

Hemm ħafna x'nitgħallmu mir-Riforma Protestanta. Insemmi erbgħa biss:

1. Ma nistgħux nassumu li l-poplu jaf x’inhu Kristjan u kif issir Kristjan. Irridu nibdew minna nfusna: immorru f’ras il-għajn, il-Bibbja Mqaddsa, u naraw sewwa x’qed jgħidilna l-Mulej. Jekk ma tafx x’fiha l-Bibbja, kif tista’ tagħraf lil Kristu Ġesù u tafda fih għas-salvazzjoni eterna tiegħek?

2. Iż-żamma u l-prattika ta’ dottrina skritturali hi aktar importanti minn unità ekkleżjali esterna. Ladarba Ruma baqgħet stinata, u ma riditx tammetti l-fallimenti gravi tagħha, allura l-firda saret inevitabbli.

3. Ma nistgħux naffordjaw li nikkompromettu l-Verità li Alla wriena. Aħjar mibgħuda min-nies u milqugħa minn Alla, milli parti mill-folla miexja fit-triq il-wiesa’ għat-telfien etern. 

4. B’riżultat tar-Riforma ħarġu fiċ-ċar ħames prinċipji ewlenin, li xieraq dejjem inżommuhom f’qalbna u f’moħħna:

Sola Scriptura. Nemmnu dak kollu li hemm fil-Bibbja Mqaddsa, u dak biss. It-tradizzjoni hemm postha, imma qatt m’għandha tikkontradixxi jew ixxejjen l-awtorità tal-Iskrittura. Ir-riga li biha nkejlu t-twemmin tagħna hux dritt jew le hi biss l-Iskrittura, li ħarġet minn fomm Alla.

Sola Gratia. Il-bniedem hu salvat purament bil-grazzja u l-ħniena kotrana t’Alla. M’hemm ebda lok għal mertu personali; m’għandi ebda jedd għas-salvazzjoni; hi favur mingħand Alla ħanin.

Sola Fide. Il-bniedem hu ġustifikat (dikjarat ġust darba għal dejjem) quddiem Alla permezz tal-fidi biss fi Kristu biss, mhux bil-fidi u l-opri, jew taħlita ta’ fidi, opri u sagramenti. Insalvaw permezz tal-fidi waħidha, imma l-fidi li ssalva qatt mhi waħidha; tipproduċi opri ta’ mħabba u ubbidjenza grata lejn Alla.

Solus Christus. Kristu wettaq fidwa effettiva għal niesu, b’sagrifiċċju wieħed darba għal dejjem. Hu l-uniku Qassis li għandna bżonn, u huwa wkoll l-uniku Medjatur li bih naslu għand il-Missier. Mhux b’Marija jew bil-qaddisin jew bis-saċerdot, jew bil-purgatorju (li ma jeżistix), iżda biss bis-saħħa tal-Iben omnipotenti t’Alla.

Soli Deo gloria. Il-pjan tas-salvazzjoni ma jħalli ebda lok biex il-bniedem jiftaħar bil-kisbiet tiegħu; aktarx Alla Trinità waħdu jirċievi sebħ u unur. Qaddisin u anġli u saċerdoti m’għandhom ebda mertu fis-salvazzjoni tagħna. Is-salvazzjoni hi opra t’Alla waħdu: il-Missier pjanaha, l-Iben fdiena, u l-Ispirtu s-Santu jagħtina l-ħajja u jqaddisna.

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...