Skip to main content

Filosofija Ferma u Filosofija Falza

“Għax il-messaġġ tas-salib hu bluha għal dawk li qed jintilfu, imma għalina li qed isalvaw hu s-setgħa t’Alla. Għax hu miktub: ‘Se neqred l-għerf tal-għorrief; se niffrustra l-intelliġenza tal-intelliġenti.’ Fejn hu l-għaref? Fejn hu l-iskular? Fejn hu d-disputant ta’ daż-żmien? Ewwilla Alla ma bellahx l-għerf tad-dinja? Għax ladarba fl-għerf t’Alla d-dinja ma saritx taf ’l Alla permezz ta’ għerfha, għoġob ’l Alla illi jsalva dawk li jemmnu permezz tal-bluha tal-predikazzjoni” (1 Korintin 1:18-21).

Ħa nemmnuha bla riżerva: Alla jġib fix-xejn l-għerf tal-għorrief, u juri kemm hu bla siwi d-dehen ta’ nies li jidhrilhom huma għaqlin mingħajru. Kliem l-appostlu Pawlu jesprimi theddida għan-nies tad-dinja, u fl-istess ħin hu wegħda għal kull fidil sempliċi. 

L-imgħallmin professjonalment il-ħin kollu jipprovaw itertqu l-fidi tal-Kristjan umli, iżda t-tentattivi perversi kollha tagħhom jisfaw meqruda. L-argumenti tagħhom jitkissru frak, it-teoriji tagħhom jittaqbu, il-kumplotti sigrieta tagħhom jinkixfu. L-evanġelju qadim għadu u jibqa’ jeżisti, sakemm jibqa’ ħaj il-Mulej. Kieku seta’ jinqered, ilu li sar irmied.

Ma nistgħux neqirdu l-għerf tal-għorrief aħna, u lanqas nipprovaw nagħmlu hekk. Il-kompitu jinsab f’idejn wisq aħjar. Il-Mulej iserrħilna rasna filli jagħmilha ċara illi hu nnifsu jeqred l-għerf tal-għorrief; u ebda riżoluzzjoni tiegħu mhi fiergħa. Darbtejn jiddikjara l-għan tiegħu, u nistgħu nibqgħu assigurati li mhux se jerġa’ jibdielu.

Nistennew il-waqt. Meta l-Mulej jaqbad il-minġel, jaħsad mill-qiegħ il-filosofija u “l-ħsieb modern.” Dak kollu li jlellex, jekk ma jaqbilx mar-rieda tiegħu, iġibu fix-xejn. Jeqred għalkollox l-għawied, it-tiben u l-ħuxlief. Hu miktub li hekk se jsir, u hekk se jkun. Id-digriet hu inflessibbli u ċert: il-ħażen u kull manifestazzjoni tiegħu għad ikunu tturufnati, mixħuta fil-miżbla. 

Alla wiegħed li l-art kollha għad tkun mimlija bit-tagħrif tiegħu, bħalma l-ilma jgħatti l-ibħra. Bħalissa l-oppożizzjoni tgħolli rasha; kull ribelljoni għad tissikket. Kull ilsien għad jistqarr illi Ġesù hu s-Sid suprem. Xi wħud jagħmlu dan għar-rovina tagħhom, oħrajn għall-feliċità eterna tagħhom. 

Talba: “Mulej, int twettaq ħidmietek fil-providenza, fil-fidwa u saħansitra fil-ġudizzju. Frattant seddaqna b’Kelmtek biex nibqgħu nħarsu lejk, antiċipattivi u fiduċjużi. Ebda kolp ta’ stat ma jista’ jniżżlek mit-tron tal-univers. Lilek aħna nirrikonoxxu bħala l-Ħallieq u l-Feddej tagħna. Kun twajjeb u ħanin magħna, li nħarsu lejk bit-tama. Ħa tiġi saltnatek fil-milja tagħha, b’Ġesù Kristu Ibnek. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...