Skip to main content

Enerġija għall-Ġid jew Ħsara

“Smajtu illi ngħad lill-antiki, ‘Tikkommettix omiċidju,’ u ‘Kull min jikkommetti omiċidju jkun ħaqqu l-ġudizzju.’ Imma jien ngħidilkom, kull min jirrabja ma’ ħuh ikun ħaqqu l-ġudizzju. Jerġa’, kull min jgħid lil ħuh, ‘Raka,’ ikun suġġett għas-Sanedrin; u kull min jgħid, ‘Ja iblah!’ ikun ħaqqu jmur fl-Infern tan-nar” (Mattew 5:20-21).

Meta l-korla fija tidher fl-aħjar tagħha, tiżvelali l-agħar fil-karattru tiegħi. Il-korla, bestja inkontrollabbli, tnissel rimors fil-qalb, diskordja fid-dar, qrusa fil-komunità u konfużjoni fl-istat. 

Biss meta tiġi manipulata biex tikkonfronta problemi f’relazzjoni, tista’ tkun forza kostruttiva. Hi dajnamajt: faċilment tkun abbużata mid-delinkwenti għat-tkissir; f’xi każijiet tista’ tkun maniġġjata għall-ġid. Toffri varjetà wiesa’ ta’ possibbiltajiet. Toħloq kaos, imma tagħtik ukoll id-dinamika biex tinawgura mogħdijiet li altrimenti jibqgħu magħluqa. Tipprovdi s-saħħa biex tneħħi tfixkil, xkiel u imbarazz morali. 

Taf iċċaqlaq id-diżubbidjenza stinata u vili. Biha ssib il-kuraġġ tiffaċċja l-indifferenza (tip fin ta’ mibegħda) lejn il-proxxmu. Jekk wieħed jistudja l-karattru tan-Nazzarenu, il-manswet u l-ġentili, tara kif b’għaqal tremend ħalla lilu nnifsu jkun mixgħul mill-kollera – minħabba ż-żelu għall-ġieh tal-Missier, u minħabba l-mogħdrija lejn il-proxxmu batut. 

Meta, però, nutilizza l-għadab biex neżalta lili nnifsi jew biex inriegħex lil ħaddieħor, ikun ċiklun morali, għax jeżvela biss kif inħoss u naħseb dwari nnifsi. Imma jien m’inix iċ-ċentru tal-univers, u lanqas mhuma l-ideat u d-dehen tiegħi kompendju ta’ filosofija prattika. Fis-saħna tad-demm neħtieġ rażna biex ngħaddi ’l quddiem metodikament; mhux lakemm titgħallem tutilizza l-għadab effettivament. 

Talba: “Ħarriġni, Mulej, biex nirrabja quddiem il-ħażen, u mill-bqija nkun trankwill u ngawdi s-sliem tiegħek. Żommni konxju illi ninsab f’battalja spiritwali, u allura jeħtieġ nuri żelu għal ismek u mhux nibqa’ kajman jew biered meta tkun diżonorat mill-bnedmin. Agħtini illi f’kollox naġixxi skont il-liġi qaddisa tiegħek.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...