Skip to main content

Jum ir-Riforma (1517-2017)


Xi wħud li qatt m’għamlu r-riċerka tagħhom jassumu li r-Riforma Protestanta kienet żball. Xi denominazzjonijiet illum, li b’ingratitudni nsew il-patrimonju tal-passat, għandhom kilba biex jingħaqdu ma’ Ruma, u jerġgħu lura fil-jasar spiritwali. L-unità sabiħa u mixtieqa, imma jeħtieġ ikollha bażi dottrinali soda. Il-moviment ekumeniku bejn l-aħwa huwa kommendibbli, imma x-xebba rżina u safja qatt ma tista’ tagħmilha mal-prostituta li Alla għad jiġġudika. Aħna mwissija kontra ‘vanġelu’ li mhu vanġelu xejn (2 Korintin 11:2-4).

Imqanqal u disturbat profondament mill-abbużi serjissmi ta’ żmienu, meta l-ġerarkija tal-knisja kienet qed tisloħ u tinganna lin-nies komuni, u sfaċċatament tbiegħ "is-salvazzjoni," Luteru, patri u professur tat-teoloġija, sammar lista ta’ 95 Teżi fuq il-bieb tal-knisja f’Wittenberg. Xi wħud minnhom jixhdu li kien għadu maqbud fil-Kattoliċeżmu, oħrajn juru illi l-istudju tiegħu fl-Iskrittura ma kienx mitluf. 

Nislet għadd minnhom:

1. Meta Sidna u l-Imgħallem tagħna Ġesù Kristu qal, ‘Indmu,’ ried il-ħajja kollha tal-fidili li tkun waħda ta’ ndiema.

32. Dawk li jemmnu li jistgħu jkunu ċerti mis-salvazzjoni tagħhom għax għandhom l-indulġenzi jkunu misħutin għall-eternità flimkien mal-għalliema tagħhom.

36. Kull Nisrani tabilħaqq niedem għandu dritt għall-maħfra sħiħa anke mingħajr ittri ta’ indulġenzi. 

37. Kull Nisrani, ħaj jew mejjet, jipparteċipa fil-barkiet kollha ta’ Kristu u l-knisja, u dan jingħatalu minn Alla mingħajr indulġenzi.

45. L-Insara għandhom ikunu mgħallma li min jara bniedem fil-bżonn u ma jagħtix kasu, flusu għall-indulġenzi ma jixtrux indulġenzi papali imma l-għadab t’Alla.

62. It-teżor veru tal-knisja hu l-Vanġelju l-aktar qaddis tal-glorja u l-grazzja t’Alla. 

92. Abbasso mela għal dawk il-profeti li jgħidu lin-nies ta’ Kristu, ‘Is-sliem, is-sliem!’ meta m’hemmx sliem.

94. L-Insara għandhom ikunu mħeġġa biex ikunu bieżla u jsegwu lil Kristu r-Ras tagħhom imqar sal-mewt.

95. U hekk ikunu konfidenti li jidħlu l-Ġenna b’ħafna taħbit aktarx milli s-sigurtà falża tas-sliem.

L-oppożiżżjoni li ltaqa’ magħhom ġegħlitu jfittex aktar fl-Iskrittura, tant li sa l-1519 seta’ jafferma li ‘l-papa hu l-antikrist innifsu,’ u li l-Knisja Kattolika Rumana kienet maħkuma minn żball enormi. 

Inutli ngħattu x-xemx bl-għarbiel. Qabel ma nirritornaw lura għal ras il-għajn tal-Vanġelu, u nixorbu l-ilma safi tiegħu, ruħna tibqa’ fil-mewt. Ma rridux ġlied jew piki; ma jogħġobniex it-tgħajjir u kritika bl-addoċċ. Iżda huwa imperattiv illi l-verità tas-salvazzjoni tkun magħrufa lil kulħadd: 

“Għax aħna wkoll konna darba boloh, diżubbidjenti, imqarrqin, imjassrin minn passjonijiet u pjaċiri varji, ngħaddu ħajjitna fil-malizzja u l-għira, odjużi u nobogħdu ’l xulxin. Imma meta dehret il-bontà t’Alla s-Salvatur tagħna, u l-imħabba tiegħu lejn il-bniedem, salvana, mhux minħabba l-opri li konna għamilna fil-ġustizzja, iżda skont il-miżerikordja tiegħu, bil-ħasil tar-riġenerazzjoni u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu, li sawwab fuqna bl-għana permezz ta’ Ġesù Kristu s-Salvatur tagħna, sabiex, iġġustifikati bil-grazzja tiegħu, insiru werrieta skont it-tama tal-ħajja eterna. Affidabbli l-affermazzjoni; u fuq dawn il-ħwejeġ irridek tinsisti sabiex dawk li emmnu f’Alla jieħdu ħsieb jingaġġaw fl-opri t-tajba; dawn il-ħwejjeġ huma tajbin u siewja għall-bnedmin” (L-appostlu Pawlu, fl-Ittra lil Titu 3:3-8).

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...