Skip to main content

Tilqgħu lit-Tabib?


“Ġesù reġa’ ħareġ maġenb il-lag. Il-folla kollha ġiet għandu, u qagħad jgħallimhom. Kif kien għaddej ra lil Levi bin Alfew bilqiegħda mal-banka tad-dazju. “Segwini!” qallu. U Levi qam u segwih. Hu u jirreklina għall-ikel fid-dar ta’ Levi, ħafna dazjarji u midinbin ukoll irreklinaw ma’ Ġesù u d-dixxipli tiegħu, għax kienu ħafna li segwewh. L-iskribi tal-Fariżej, xħin raw illi kien qed jiekol mal-midinbin u d-dazjarji, staqsew lid-dixxipli tiegħu, ‘Għaliex jiekol mad-dazjarji u l-midinbin?’ Malli Ġesù sema’ dan, qalilhom, “Dawk b’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib, iżda dawk li għandhom xi mard. Ma ġejtx insejjaħ lill-ġusti, iżda l-midinbin’” (Mark 2:13-17). 

Il-marda tad-dnub hi serjissma. Iżda ħajr lil Alla: daħħalna fl-isptar tiegħu. Spiritwalment u moralment aħna lkoll morda u miġruħin, deformati u miġugħa, għomja u torox, paralitiċi u zopop – wisq wisq iżjed milli nirrealizzaw. L-agħar ħaġa li tista’ tiġrilna hi meta nagħmlu evalwazzjoni pożittiva tagħna nfusna inkwantu l-liġi t’Alla, u jkun jidrhilna li bejn wieħed u ieħor qed nosservawha. 

Meta Kristjan jgħodd lilu nnifsu setgħan, b’saħħtu u normali meta difatti hu debboli, marradi u vvizzjat f’diversi oqsma magħrufa, hu tabilħaqq patetiku. 

Hekk ġralha l-kongregazzjoni f’Laodikeja. Ġesù jċanfarha: “Għax tgħid, ‘Jien għani, stagħnejt u m’għandi x’nambi xejn,’ u ma tirrealizzax illi int miżerabbli, ta’ min jitħassrek, fqir, għami u għarwien. Nikkunsillak biex tixtri mingħandi deheb irraffinat bin-nar, sabiex tistagħna; u lbiesi bojod, sabiex tilbes u l-vergonja tal-għera tiegħek ma tkunx tidher; u kollirju ħalli tidlek għajnejk, sabiex tara. Lil dawk kollha li nħobb, jien inċanfarhom u niddixxiplinahom. Kun żeluż, mela, u indem” (Rivelazzjoni 3:17-19). 

X’iwassal għal opinjoni għolja tagħna nfusna? Ċertament il-kburija nattiva fina. Il-kompjaċenza wkoll tagħmina għal dir-realtà. Is-saħħa spiritwali tagħna tibqa’ parzjali u relattiva dment li għadna fil-ġisem. Wieħed jista’ jkun inqas inkapaċitat minn fidil ieħor, iżda lkoll ninsabu dipendenti għalkollox fuq il-grazzja. Imkejla bl-istandard assolut ta’ saħħa spiritwali kif narawha u nammirawha f’Ġesù, aħna lkoll pazjenti fil-proċess ta’ kura, sforz l-imħabba divina lejna. Qed insiru aktar u aktar b’saħħitna, iżda għadna m’aħniex kompletament b’saħħitna. 

Talba: “Sidna Ġesù, ikkonvinċina kemm tabilħaqq aħna morda. Ikxfilna l-ipokresija, żarma r-reliġjożità falza tagħna, urina x’aħna fina nfusna: gozz dgħufija. Hekk nifhmu aħjar x’ridt tfisser meta għidt illi int ġejt, mhux għan-nies ġusti, iżda għall-inġusti. Għax in-nies b’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib. O Mulej, kun int it-tabib ta’ruħna.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

O Alla, Inqimek u Nadurak

“Għaldaqstant, neħħu kull ħmieġ morali u ħażen tant prevalenti, u bil-manswetudini ilqgħu l-kelma mħawla fikom, li kapaċi ssalva erwieħkom. Imma siru għammiela tal-kelma, u mhux sempliċement semmiegħa, altrimenti tilludu lilkom infuskom. Għax jekk xi ħadd hu semmiegħ tal-kelma u mhux għammiel, dan donnu raġel li jikkonsidra l-wiċċ naturali tiegħu f’mera: appena ħares lejh innifsu, telaq, u malajr nesa liema speċi ta’ persuna kien. Imma min jittawwal b’attenzjoni fil-liġi perfetta, il-liġi tal-libertà, u jkompli fiha, mhux isir semmiegħ li jinsa iżda jpoġġiha fil-prattika, dan se jkun imbierek f’għemilu” (Ġakbu 1:21-25). Prijorità numru wieħed: nitgħallem insir qejjiem. “Adoro Te.” Hi ċentrali, u kollox suppost jirrivolvi magħha, bħalma l-pjaneti jduru max-xemx. Attwalment mhuwiex hekk. Għad hemm x’wieħed jaqdef. Sakemm nibqgħu naduraw xogħolna b’tant impenn, u naħdmu b’tant serjetà fil-logħob tagħna, il-probabbiltà tkun li nibqgħu nilagħbu fil-qima tagħna. Frattant Alla Tr...