Skip to main content

Mhux Bilfors Nirrabja!

“In-nies kesħin iġibu belt f’nassa, iżda l-għorrief iberrdu t-tmasħin. L-iblah jiżvoga għadbu kollu iżda l-għaref iżommu. Wieħed imgħaddab iqajjem il-ġlied, u min jitbaqbaq jagħmel ħafna ħtijiet. Jekk kont iblah billi tkabbart, jew jekk ħsibt id-deni, qiegħed idek fuq fommok, għax jekk tagħsar il-ħalib toħroġ il-baqta, u jekk tagħsar imnieħrek toħroġ id-demm, u jekk tagħsar il-għadab joħroġ il-ġlied” (Proverbji 29:8,11,22; 30:32-33).

Il-ġudizzju hu l-eżami aħħari tagħna quddiem Alla – “kull wieħed minna jagħti kont ’l Alla tiegħu nnifsu.” Kif taħseb li se tmur f’dan l-eżami kruċjali? Se tgħaddi jew teħel? Tinstab għaref jew iblah? Ir-risposta tista’ tkun tafha, għax il-Mulej jagħtina ħafna u ħafna testijiet matul ħajjitna biex naraw kif aħna sejrin; inkunu qed nagħmlu evalwazzjoni tagħna nfusna. 

Dawn it-testijiet huma ċ-ċirkostanzi li tiltaqa’ magħhom kuljum, fid-dar, l-iskola, fuq ix-xogħol, fil-ħanut, fil-knisja, mal-ħbieb, ma’ kulħadd. Mistoqsija li toħroġ spiss f’dawn it-testijiet hi din: “Kif iġġib ruħek meta xi ħadd jipprovokak jew jipprova jqabbiżhielek? Kif tirreaġixxi meta xi ħadd itellagħhomlok?”

Hemm min hu bħal ġigġifogu: jitlef rasu u jibda jtajjar xrar u nar, tisfir u fratterija sħiħa. Dan hu l-iblah, qed jiżvoga għadbu kollu. Weħel mit-test. L-ieħor bħall-ħajt, ilqugħ f’wied, iżomm kontra l-pressa qawwija tal-ilmijiet, u l-istess ilma jkun jista’ jintuża għat-tisqija, għall-ġid. Dan hu l-għaref. Jagħraf jikkonserva u jirrestrinġi għadbu. Dan għadda mit-test, bl-unuri.

Niddubita jekk hawnx wieħed fostna li jġib marki sħaħ f’dat-test. Forsi m’intix ġigġifogu, imma kultant xrara taħrablek. Kelma iebsa jew insensittiva, rimarka żejda, xi għajta, xi provokazzjoni, xi wiri ta’ suppervja ma tonqosx. 

Talba: “Mulej, aħfirli t-tempra u l-passjonijiet li jiġġieldu kontra ruħi stess. Aħfirli l-korla bla raġuni u l-aġir irrabjat. Għandi xofftejja mniġġsin, u ngħammar fost nies b’ilsien maħmuġ. Qegħidli għassa quddiem fommi; ħarisli bieb xofftejja. Għallimni ngħid ftit, u l-ftit li ngħid ikun għaqli, u l-għaqli ngħidu kif jixraq, biex jagħti grazzja lin-nies li jirrelataw miegħi. Dan nitlobulek għal ġieħ tal-istess isem glorjuż tiegħek. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...