Skip to main content

Kelma dwar il-Kuxjenza

“Dit-testimonjanza hi vera. Għaldaqstant ċanfarhom severament, sabiex ikunu korretti fil-fidi u ma jagħtux kas ħrejjef Lhud u kmandamenti tal-bnedmin li jirroftaw l-verità. Kollox pur għall-puri, imma għall-ikkontaminati u l-miskredenti xejn mhu pur, anzi kemm il-moħħ kif ukoll il-kuxjenza tagħhom huma kkontaminati. Jikklejmjaw li jafu ’l Alla, imma b’azzjonijiethom jiċħduh. Huma detestabbli, diżubbidjenti, u diżapprovati għal kull att tajjeb” (Titu 1:13-16).

Xi darba jew oħra ngħafasna mill-persistenza tal-kuxjenza. Nafu x’testimonjanza kapaċi toffri. M’hemm ebda xhud daqshekk terribbli, ebda akkużatur tant setgħan daqs il-kuxjenza li tgħammar fina.

Qisha avukat qed jgħaddina minn kontroeżami. Kuxjenza ħatja m’għandha x’tambi ’l ħadd min jixliha; tħoss biża’ kontinwu. Bniedem jaqbillu jissakkar f’kaverna ma’ orsa misruqa mill-frieħ tagħha milli jgħammar ma’ kuxjenza akkużatriċi. Ebda strument tat-tortura, ebda ħġejjeġ ma jistgħu jikkompetu mal-miżerja meta tkun konxjament ħati, u ma tara ebda rimedju mid-dnub. Il-ħati, b’sens ta’ disperazzjoni, ilebbet ’l hemm meta ħadd mhu jipprova jaqbdu; u l-ħalliel jimmaġina kull arbuxxell kuntistabbli - osservazzjoni f’wieħed mid-drammi storiċi ta’ Shakespeare.

F’Amletu huwa magħdud ukoll li l-kuxjenza tagħmilna lkoll ġwief u kodardi. Inċidentalment, min għandu l-kuxjenza mċappsa u mtaqqla, ipenġi l-agħar xenarju; l-azzjonijiet ta’ ħaddieħor jagħtihom l-agħar interpretazzjoni.

Fl-estrem l-ieħor, it-testimonjanza ta’ kuxjenza tajba hi l-glorja ta’ kull ruħ devota, u ma tindiehex minn ebda xilja. Nies b’kuxjenza klir ma jħabblux rashom jekk iħabbat il-bieb f’nofs ta’ lejl. Għall-kuntrarju isservihom bħala kurazza; avolja jfaqqgħu s-sajjetti, jorqdu trankwilli. Meta wieħed imantni kuxjenza bla ħtija ssirlu divan komdu, u l-hena tinkurunalu rasu. Dik l-istess hena japprezzaha tant illi, bħala raġel integru, ma jasalx biex jagħti widen għal kwalunkwe raġunament kontra l-kuxjenza tiegħu.

Talba: “Missier etern, nifhmu illi skont ma tagħtina daqshekk ieħor tippretendi mingħandna. Lil min tagħtih ftit, tiddomanda mingħandu ftit; lil min ħafna, tirrekjiedi ħafna. Agħtina grazzja illi dejjem naġixxu skont id-dawl li jogħġbok tilluminana bih. Ħa nkunu prudenti tant illi t-tagħrif miksub, imħaddan fi qlubna, insarrfuh f’għemil ġust. F’isem Ibnek Ġesù.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...