Skip to main content

Ix-Xjuħ Żejda jew Żina?



“Ix-xagħar abjad kuruna ta’ ġieħ, jekk jinstab fi triq is-sewwa. Ulied l-ulied kuruna tax-xjuħ, u l-glorja tal-ulied missirijiethom. Il-glorja taż-żgħażagħ qiegħda f’saħħithom, u ż-żina tax-xjuħ fix-xagħar abjad tagħhom. Isma’ lil missierek, dak li nisslek, u la żżeblaħx lil ommok meta tixjieħ” (Proverbji 16:31; 17:6; 20:29; 23:22).

X’għerf sublimi hu merfugħ f’dawn il-ftit ħsibijiet! Longfellow, poeta Amerikan, jaqbel, u jkompli jgħid: “L-għajn tax-xjuħija tħarisli mansweta f’qalbi! Il-vuċi tax-xjuħija tidwi bil-krib fiha! Ir-ras xehbiena u l-id ċċongata jraħħmuli irreżistibbilment għas-simpatija! Nivvenera x-xjuħija; u ma nistax ngħid li jogħġobni dak li kapaċi jħares bla emozzjoni fuq għabex il-ħajja, meta l-għabex jibda jiġma’ fuq l-għajnejn impeċpċa, u d-dellijiet tal-krepuskolu jitwessgħu u jitfanndu fuq il-fehma.”

Il-ġust jibqa’ jagħmel is-sewwa anke fi xjuħitu, tarah jippersevera u jirrendi l-frott fi żmienu. John Wesley prietka medja ta’ ħmistax-il prietka fil-ġimgħa. Mhux talli ma waqax biċċiet, iżda ta’ tlieta u sebgħin sena jikteb illi jħossu aktar kapaċi jipprietka milli meta kellu tlieta u għoxrin sena. Ġbinu kien għadu lixx, il-karnaġġjon ismar, u leħnu potenti u ċar, hekk li udjenza ta’ tletin elf ruħ setgħet tisimgħu bla diffikultà, fi żmien meta l-mikrofonu ma kienx jeżisti. Din il-vigorożità jattribwiha għal vjaġġar kontinwu, jibda l-ġurnata kmieni, irqad tajjeb, u tempra mrażżna. “Inħoss u nagħli,” qal, “iżda, bil-grazzja t’Alla, ma ninkwieta b’xejn.”

Frattant illum insibuha diffiċli nqisu x-xjuħija bħala kuruna onorabbli. Aktarx il-kuntrarju, għax ħafna jipprovaw jgħattu x-xemx bl-għarbiel, jagħmlu kull tentattiv biex jaħbu x-xjuħija tagħhom billi jiżbgħu xagħarhom u jintilfu fi proċeduri fjakki bħal dawn. Is-soċjetà moderna tpoġġi ż-żgħożija fuq pedestal u qajla għandha xi kommendazzjoni għax-xjuħija. Ħafna jaħsbu li l-ħajja vera hi dik taż-żagħżugħ, bl-enerġija u l-vitalità, bis-sens qawwi t’avventura, filwaqt li x-xjuħ ikollhom jintefgħu f’rokna jħarsu fil-vojt. X’mistħija, x’għajb għalina nfusna meta nagħtuhom il-ġenb għas-sempliċi raġuni li m’għadhomx daqshekk utli!

Talba: “Missier, m’għandix ħjiel x’hemm riżervat għalija fil-ġejjieni, x’se jkun it-tul ta’ għomri. Hu x’inhu, nagħraf id-dehen providenzjali tiegħek. Int taf jiemi kollha mqar meta ma kien hemm ebda waħda minnhom. Għaldaqstant ħini hu għotja mingħandek; għallimni ninvestih tajjeb. U jekk twassalni sax-xjuħija, ħa nkun wieħed li jkun irrenda frott bl-abbondanza għall-eternità. F’isem Ibnek nitolbok dan. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...