Skip to main content

Is-Serp Tbusu jew Taħarbu?

“Tassew, int toqtol lill-ħażin, o Alla; għalhekk tbiegħdu minni, ja rġiel tad-dmija. Għax huma jitkellmu kontrik bil-qerq, u l-għedewwa tiegħek jieħdu ismek għalxejn. M’għandix nobgħodhom, o Mulej, lil dawk li jobogħduk? M’għandix nistmellhom lil dawk li jqumu kontra tiegħek? Nobgħodhom bl-akbar mibegħda; ngħoddhom b’għedewwa tiegħi...Il-biża’ tal-Mulej hi l-mibegħda tal-ħażen: il-tkabbir, l-arroganza, l-imġiba ħażina u l-fomm giddieb nobgħodhom” (Salmi 139:19-22; Proverbji 8:13).

Immaġinak miexi fil-kampanja, tiggosta l-fwieħa ħelwa tan-narċis u l-ġiżimin, titgħaxxaq bl-għelieqi maħruta, bis-siġar iħaxwxu fiż-żiffa. Issa fettillek tibda tgħaqqad bukkett fjuri varjat. Iżda int u sejjer, fid-daqqa u l-ħin tibda xxomm rieħa pessma, bilkemm tissaportiha. Quddiemek, bla mistenni, issib miżbla. Jekk ikolli ngħid, naħseb li minflok tkompli tersaq ’l hemm, iddabbar rasek ’il bogħod mill-munzell ta’ żibel jinten. 

Għaliex tagħmel hekk? Għax filwaqt li xtaqt il-fjuri, xorta waħda ma ridtx tissogra tlaqqat xi infezzjoni li ma tkunx tiflaħ għaliha. Ħaġa minn ewl il-dinja: il-fwieħa tattirak, iżda fl-istess ħin l-intiena timbottak.

Dan nistgħu ngħiduh ukoll rigward il-biża’ t’Alla. Meta ngħidu, “tibża’ minn Alla,” ma jfissirx sempliċement tħobb it-tajjeb u tfittex tagħmlu, iżda wkoll tistmell l-intiena tal-ħażen. Filwaqt li rridu ninkollaw ruħna mat-tjieba u l-umiltà tal-moħħ, fl-istess ħin irridu naħarbu mill-kburija, l-ardità, il-ksuħija, l-ilsien laxk u kulma Alla ma jistax għalih. Tista’ tkun umli jekk fl-istess ħin għadek titbissem b’approvazzjoni lil kull min qed jistma lil ħaddieħor dubbien? Jew, tkun tħobb il-verità jekk tagħlaq għajnejk għall-gideb u l-qerq ta’ madwarek?

Kristjan ma jingħarfax biss mill-imħabbiet tiegħu. L-identità tiegħu hi żvelata wkoll mill-ħwejjeġ li jistmell. Sikwit ngħidu, “Aħrab mid-dnub bħal meta ssib ruħek quddiem serp.” Forsi ftit minna jafu kif iħossu wieħed meta, għall-ewwel darba, isib lilu nnifsu ftit pulzieri ’l bogħod minn serpent, meta jara l-cobra di capella tgħolli rasha, lesta biex tattakka f’salt, u jaf illi gidma waħda tal-injieb tfisser mewt ċerta. Dak il-ħin jesperjenza emozzjonijiet varjati, impossibbli tiddeskrivihom. Il-biża’, il-mibegħda, l-istmerrija, ix-xewqa biex jallarga minnufih, id-desiderju biex joqtolha, ilkoll jinqanqlu fih f’waqt wieħed, u jqajmulu ġismu xewk xewk. 

Issa, ħu żewġt irġiel, wieħed quddiem serpent, u l-ieħor fil-preżenza tas-serpent il-qadim imsejjaħ Satana, ix-Xitan. Wieħed jinsab fil-periklu li jkun migdum, u l-ieħor fil-periklu li jikkommetti dnub. Liema minnhom għandu l-aktar raġun ilebbet ’l hemm? 

Talba: “Missier, int urejt miegħi ħniena kbira u tjieba indeskrivibbli. Ġbartni, ikkurajtni, ħsiltni, u introduċejtni fil-familja tiegħek. Issa, o Missieri, meta nagħraf illi kuljum jien imġarrab biex nidneb u noffendik, nitolbok biex tagħtini l-ħila niżgiċċa mid-dnub bħallikieku minn quddiem serp. Ix-xitan hu serp wisq malinn u perikoluż; nitolbok biex bl-awtorità li tani Sidi Ġesù nirfes fuq l-iskorpjuni u ngawdi r-rebħa mogħtija lili.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...