Skip to main content

Int Ħalliel?

“Wieħed mill-kriminali mdendla hemm insultah, ‘Ewwilla m’intix il-Messija, int? Salva lilek innifsek u lilna!’ Imma l-malefattur l-ieħor ċanfru. ‘Int lanqas tibża’ minn Alla,’ qallu, ‘ladarba tinsab taħt l-istess sentenza ta’ kundanna? Aħna tabilħaqq ġustament, għax qegħdin nirċievu lura x’ħaqqna għal li għamilna, imma dan ebda misfatt m’għamel.’ Imbagħad qal, ‘Ġesù, ftakar fija meta tiġi f’saltnatek!’ Ġesù wieġbu, ‘Tassew ngħidlek, illum se tkun miegħi fil-Ġenna’” (Luqa 23:39-43).

X’għeruq ħoxnin għandha l-inkredulità! X’influwenza perversa ssostni! Kapaċi żżommilna għajnejna u twebbsilna qlubna kontra Ġesù u l-grazzja tiegħu. Iżda fejn id-dnub kotor il-grazzja toktor wisq iżjed. U l-grazzja hi sovrana; Alla jilħaq lil min jogħġbu hu, altrimenti mhijiex grazzja. Hi favur bla mistħoqq. 

It-tagħlim ta’ Ġesù hu eżemplifikat fiż-żewġ malefatturi misluba miegħu: wieħed ittieħed u l-ieħor tħalla (Mattew 24:40). Imma l-Mulej ma jwassalx il-midinbin fil-glorja mingħajr indiema. L-indiema, il-fidi fih u l-qdusija fil-qalb huma karatteristiċi ta’ kull persuna mwielda mill-ġdid. Il-Mulej hu ħanin wisq biex iħalli lil niesu jissoktaw fi dnubhom, ikkatenati mal-ħażen bi spirtu ribelluż kontrih. 

Ġesù hu eżaltat bħala Prinċep u Salvatur, biex jagħti l-indiema u l-maħfra. Hekk iġib lill-maħturin fi stat ta’ salvazzjoni. Idaħħalhom f’saltna ta’ hena u mħabba, bl-operazzjoni sigrieta u misterjuża tal-Ispirtu tiegħu fi qlubhom. Jaqlagħlhom il-qalb ġeblija u jagħti qalb tal-laħam, biex tagħrfu u tirrispondi għall-istedina tiegħu. 

Iż-żewġ kriminali, naqraw, għajruh u insulentawh. Wasal ħin meta wieħed minnhom bidel ħsiebu. Beda jara l-affarijiet differenti. X’wassal biex żviluppat fihom did-differenza? Il-grazzja! Grazzja sovrana li tiddistingwi bniedem minn ieħor. Hi meraviljuża f’għajnejna. Min jispiċċa l-Infern ħaqqu; min jiret il-Ġenna ma jimmeritahiex. Jidħol fiha sforz il-grazzja divina. Mhux għax hu tajjeb hu nnifsu, iżda għax Alla hu twajjeb miegħu f’Ibnu Ġesù. 

Kemm hi lventa u setgħana l-grazzja! Xi trasformazzjoni kapaċi taħdem! Filli kriminal, u filli persuna niedma. Filli ribell kburi u arroganti, u filli tallab umli. Filli midneb jiġġustifika lilu nnifsu, u filli jagħti tort lilu nnifsu u jeżalta lil Kristu. Filli ma jridx jaf bis-sewwa, u filli kkonvertit, maħfur, imqaddes, lest għall-Ġenna! Illum ħaqqu l-Infern, u illum stess qiegħed il-Ġenna! Hekk il-ħalliel emmen b’qalbu għall-ġustifikazzjoni tiegħu, u b’fommu stqarr għas-salvazzjoni tiegħu. Ma ħariġx diżappuntat!

Talba: “Missier, m’inix aħjar mill-ħalliel mislub maġenb Ibnek. Spiritwalment jien korrott, maħmuġ u midjun bħalu. Bi dnubi sraqt il-ġieħ, l-unur u l-glorja mingħandek, li huma tiegħek waħdek. Frattant lill-ħalliel daħħaltu fil-Ġenna tiegħek, u abbażi tal-istess sagrifiċċju ddaħħal lili wkoll. Kemm hi meraviljuża mħabbtek lejn dawk li jduru lejk: int mimli ħniena, mogħdrija, u maħfra. Ħalleluja! Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...