Skip to main content

Il-Kankru tal-Kburija

“Il-ġlied jiġi biss mill-kburija, iżda l-għerf qiegħed ma’ dawk li jieħdu parir. Il-Mulej iġarraf dar il-kburin, iżda jżomm weqfin is-slajjen tal-armla. Kull min hu mkabbar f’qalbu l-Mulej jistkerrhu; jagħmel x’jagħmel, ma jeħlishiex. Għajnejn imkabbra u qalb minfuħa, dawl il-ħżiena, huma dnub. Ħa jfaħħrek ħaddieħor, iżda mhux fommok; wieħed barrani, iżda mhux xofftejk. Il-kburija ta’ bniedem iċċekknu, iżda min hu umli fl-ispirtu jkollu l-ġieħ” (Proverbji 13:10; 15:25; 16:5; 21:4; 27:2; 29:23). 

Ħa jservu dawn il-qwiel ispirati bħala eżami tal-kuxjenza għal kull wieħed minna. Ftit huma l-Kristjani li jammettu element ta’ kburija fihom. Għalkemm ma noqogħdux niftaħru ma’ kulħadd, nippretendu li aħna umli. Il-pagun, meta jħares lejn imqar waħda mir-rix splendidu tiegħu, jisfa fjammat bil-kburija, imma ħarsa waħda lejn is-saqajn koroh tiegħu mal-ewwel iġġibu f’postu. Hekk ukoll magħna l-bnedmin. Jekk hemm il-ġmiel, l-għana, il-fama, is-suċċess jew kwalunkwe fattur ieħor li jħajjarna biex nadottaw dispożizzjoni mkabbra, nintebħu faċilment b’xi kontraparti oħra li tbaxxina fit-trab.

Il-kburija toqtol il-gratitudni, iżda moħħ umli hu l-ħamrija li minnu jisponta r-radd il-ħajr. Persuna mkabbra rari hi rikonxxenti, għax qatt ma jidhrilha li otteniet daqskemm jistħoqqilha. Meta tirċievi kwalunkwe barka, tgħid, “Iva, imma jmissha kienet ikbar!”

Il-kburija ġġennek, jekk mhux litteralment, ċertament moralment. Is-suċċessi rapidi u fenomenali ta’ Alessandru l-Kbir tant neffħulu kburitu, illi sar jiddisprezza lil missieru, dera jxidd ilbies Persjan kollu rrakkmat b’sinjurija esaġerata, u finalment iddikjara lilu nnifsu bin Ġove.

Issa li qrajt dir-riflessjoni, staqsi lilek innifsek: “Jien bniedem kburi jew umli?” Hi konsiderazzjoni kruċjali għas-saħħa spiritwali tagħna. L-umli jingħaraf, l-ewwel u qabel kollox, għax ma jipprovax isalva lilu nnifsu, iżda jafda fi Kristu Ġesù għall-maħfra u l-ħajja eterna fis-sema.

Talba: “Mulej, ħalli dil-kelma tiegħek turi tassew il-kondizzjoni ta’ qalbi. Minħabba l-kburija l-isbaħ anġlu tiegħek sab ir-rovina tiegħu. U dik l-istess trappola ta’ kburija għadha mifruxa quddiemna. Aqlagħna minnha; illiberana mill-jasar lejna nfusna. Agħti lilna lkoll qalb ta’ qaddej biex inservuk bla ma nikkonsidraw lilna nfusna. F’ġieħ Kristu Ibnek nitolbuh dan, u f’ismu. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...