Skip to main content

Ġenna u Infern

“Imbagħad rajt tron kbir abjad u dak bilqiegħda fuqu. L-art u s-sema ħarbu mill-preżenza tiegħu, u post ma nstabx għalihom. U rajt il-mejtin, il-kbar u ż-żgħar, weqfin quddiem it-tron, u nfetħu l-kotba. Infetaħ ktieb ieħor, li hu ktieb il-ħajja. Il-mejtin kienu ġġudikati mill-ħwejjeġ rekordjati fil-kotba, skont l-għemejjel tagħhom. Il-baħar radd l-mejtin li kienu fih, u l-mewt u Ħades raddew il-mejtin fihom, u kienu ġġudikati, kull wieħed skont l-għemejjel tagħhom. Imbagħad il-mewt u Ħades kienu mitfugħin fl-għadira tan-nar. Din hi t-tieni mewt, l-għadira tan-nar. Jekk isem xi ħadd ma nstabx miktub fi ktieb il-ħajja, kien mitfugħ fl-għadira tan-nar” (Rivelazzjoni 20:11-15).

Ġie li smajt l-ilment illi jekk imqar se jkun hemm ruħ waħda fl-Infern dan il-fatt itellef il-feliċità ta’ dawk salvati. It-tali protesti jinstemgħu ħanina, però fil-fatt min ileħħinhom qajla jaf x’inhu jgħid. Jissuġġerixxu illi n-nies bla mħabba, diżubbidjenti u miskredenti, nies li impriġunaw lilhom infushom u rroftaw ix-xhieda u l-imħabba t’Alla, għandhom jitħallew jibblekmejljaw l-univers sħiħ. 

Ma nistgħux niddefendu l-pożizzjoni assurda illi qabel ma l-mitlufa jikkunsentaw illi jkunu feliċi (bil-kondizzjonijiet u t-termini tagħhom stess) ħadd m’għandu jedd igawdi l-ferħ. Inkunu prattikament qed jgħidu li l-qawwa finali u r-rebħa għandha tkun tal-għedewwa t’Alla. Finalment inkunu qed ninsinwaw illi l-Infern għandu jkun kapaċi jagħmel veto fuq il-Ġenna. 

Żewġ alternattivi hemm. Għad jasal jum meta l-hena tipprevali u kull min produċa d-deni, il-ħsara u l-ħażen ma jkunx kapaċi iżjed jinfetta d-dinja bihom. Jew inkella għal dejjem ta’ dejjem il-ħżiena jkunu kapaċi jiddestruġġu fit-twajba kull feliċità li huma jirroftaw għalihom infushom. 

Hi skuża pessma tgħid illi m’inix se taċċetta s-salvazzjoni maħduma fuq il-Kalvarju għax xi nies ħa jitħallew barra fid-dlam. Dan sofiżmu bla sinsla, argument redikolu. Ħadd f’sensih ma jasal biex jaħtar kelb f’maxtura bħala t-tirann tal-univers. 

Talba: “O Alla omnipotenti, il-pjan etern tiegħek hu invinċibbli u infallibbli. Nithennew fik, u fl-intenzjoni tajba tar-rieda tiegħek insibu l-feliċità dejjiema tagħna. Aħna neżistu għalik, mhux int għalina. Daħħalna f’armonija mal-ħsieb tiegħek: ħa jkun dak li trid int, kif fis-sema hekk ukoll fl-art.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...