Skip to main content

Għal min qed Taħdem?

“Nordnawlkom, l-aħwa, f’isem is-Sid Ġesù Kristu, biex tiskansaw lil kull ħu li jimxi fl-għażż u mhux skont it-tradizzjoni li rċevejtu mingħandna. Għax intom infuskom tafu kif jeħtieġ timitawna, għax ma konniex għażżenin fostkom, lanqas ma kilna l-ħobż mingħand xi ħadd bla ħlas, iżda b’taħbit u strapazz bqajna naħdmu lejl u nhar biex ma ntaqqlux lil xi ħadd minnkom; mhux għax m’għandniex jedd għall-għajnuna, iżda sabiex nagħmlu lilna nfusna mudell għalikom, ħalli timitawna. Għax saħansitra meta konna għadna magħkom, ordnajnielkom dan: jekk xi ħadd ma jridx jaħdem, lanqas m’għandu jiekol. Difatti nisimgħu li xi wħud fostkom qed jimxu fl-għażż, ma jaħdmu xejn, iżda huma sifisenti. Lit-talin nordnawlhom u neżortawhom fis-Sid Ġesù Kristu sabiex jaħdmu bil-kwiet u jaqilgħu l-ħobż tagħhom infushom” (2 Tessalonkin 3:6-12).

Ix-xogħol, avolja wieħed jista’ jkun fornut b’talent u kapaċità, ma jista’ jkun xejn ħlief vojtizza, fl-aħħar mill-aħħar, jekk il-ħaddiem jibqa’ ma jirrealizzax li l-għan veru tiegħu huwa biex isebbaħ lil Alla. 

Darba wieħed nannu resaq fuq nepputih u staqsieh liema karriera jixtieq jaqbad. Il-ġuvnott wieġeb b’entużjażmu, “Nixtieq nilħaq tabib.” “Tajjeb, u mbagħad?” “Imbagħad insib xebba u niżżewwiġha.” “Tajjeb, u mbagħad?” komplielu. “Ikolli żewġ ulied.” Wara kull tweġiba baqa’ kull darba jistaqsih, “U mbagħad?” In-nepputi qallu, “Imbagħad nirtira.” “U mbagħad?” “Naħseb nixjieh.” U mbagħad?” “Mhux immut, nann?” “U mbagħad?” In-nepputi, issa mifxul u frustrat, wieġeb ilaqlaq, “Ma nafx; imbagħad xejn, nimmaġina.” 

Jekk ix-xogħol iwassal sal-qabar biss, avolja fi professjoni għolja, hu biss diżappunt u daħna. 

L-appostlu Pawlu jagħtina perspettiva xierqa fuq ix-xogħol. Meta jagħti struzzjonijiet kemm lill-qaddejja kif ukoll lil sidienhom, jiġbor it-tagħlim tiegħu biex ma nkunux għażżiena fix-xogħol, imma ferventi fl-ispirtu u naqdu lill-Mulej. Il-ġenju jista’ jikkonċepixxi proġetti grandjużi, imma hi l-ħidma biss illi timmaterjalizzahom. 

L-eżortazzjoni biblika hi biex nagħmlu kull attività tagħna, avolja tidher trivjali, għall-glorja t’Alla (1 Korintin 10:31). Fil-prattika, perspettiva bħal din tfisser li l-Kristjan irid dejjem jistma xogħlu bħala inkombenza maħtura minn Alla għalih. Fit-twettiq tagħha jkun qed jaqdi lil Alla. Dan jirrekjiedi li jkun onest u diliġenti f’kulma jagħmel, sew jekk hu impjegat jew wieħed li jħaddem. L-impjegatur għandu r-responsabbiltà jippriżerva d-dinjità tal-ħaddiem u jagħtih kull benemerenza, bla ma jiffrodah b’xi mod, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. 

Hekk mela kull xogħol onest hu onorabbli u għandu jitwettaq bħala kummissjoni mingħand Alla għas-sebħ etern tiegħu. 

Talba: “Missier, int ħdimt is-salvazzjoni tagħna f’Ibnek Ġesù, u tagħha nroddulek ħajr kontinwament. Ħa nifhmu issa, bħala wliedek, illi l-għassies tal-virtù hu x-xogħol, u l-laxkezza r-raqda tal-virtù. Ikkonvinċina illi f’ċertu sens l-aħjar ħbieb tagħna huma l-għaxar swaba’ tagħna. Fakkarna kuljum illi l-uniku sigriet għal kull suċċess hu l-ħidma u l-bżulija. Fid-deffa tax-xogħol ħarriġna ħalli nsiru onesti; bil-bżulija erfagħna ogħla mit-tentazzjoni, f’ġieħ Ibnek Ġesù.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...