Skip to main content

Fonti ta' kull Barka

“Issupplikaw u jingħatalkom; fittxu u ssibu; ħabbtu u jinfetħilkom. Għax kull min jissupplika jirċievi, min ifittex isib u ’l min iħabbat jinfetaħlu. Liema bniedem hemm fostkom, jekk ibnu jissupplikah ħobża, inewwillu ħaġra? Jew jekk jissupplikah ħuta, jaqaw inewwillu serpent? Jekk mela intom, avolja intom ħżiena, tafu kif tagħtu rigali tajbin lit-tfal tagħkom, kemm iżjed Missierkom fis-smewwiet jagħti ħwejjeġ tajba ’l dawk li jissupplikawh!” (Mattew 7:7-11).

L-aqwa metodu għal kull persuna konvertita hu dan: titħassibx iżda itlob. Keċċi l-ansjetà billi tikkoltiva komunjoni intima u ta’ kwalità ma’ Missierek smewwieti. Ġorr kuljum bżonnijietek u saħansitra xewqatek quddiem is-Sid sovran, l-għassies ta’ ruħek, li miegħu tinsab marbut b’patt ta’ grazzja. Mur għandu bit-talb. Irrikorri għandu regolarment; tinsiex tadurah b’tifħir fewwieħ. Titlobx bid-dubju jew ambivalenza. Mat-tħannin tiegħek żid dejjem ir-radd il-ħajr għat-tjieba tiegħu fl-imgħoddi. Qis li se tirċievi dak li qed titlob għalih; għaldaqstant irringrazzja ’l Alla minn issa għall-grazzja tiegħu. Hu jwassallek il-grazzja u int tirrispondi b’ringrazzjament ferrieħi. 

“Tħabbtu raskom b’xejn iżda f’kull ħaġa ħalli dak li jkun jeħtiġilkom, ikun imgħarraf ’l Alla bit-talb u bil-petizzjoni u b’radd il-ħajr. U s-sliem t’Alla, li jisboq kull dehen, iħarsilkom qalbkom u moħħkom fi Kristu Ġesù” (Filippin 4:6-7).

Missierek diġà jaf x’jonqsok. Taħbi xejn. Tippermetti li ma jibqa’ ebda bżonn fi ħdanek; għarraf il-petizzjonijiet tiegħek lill-Omnixjenti, bil-fidi. Tirrikorrix għand il-bniedem. Tajjeb kemm hu tajjeb, il-bniedem hu qasba; tistrieħ fuqu u tweġġa’. Ladarba, bil-fidi f’Ibnu, tinsab f’patt mal-Omnipotenti, mur għandu biss, Missier Sidna Ġesù Kristu, li minħabba Ibnu, iħobbok. Iħobbok, mhux b’imħabba sentimentali, iżda b’imħabba li biha jiswielek għall-eternità.

Appena titgħallem tħabbat bieb il-Ġenna jkollok il-paċi, paċi profonda mingħand Alla nnifsu. Ma tkunx kapaċi tifhem għalkollox is-sliem u s-sens ta’ trankwillità spiritwali li tgawdi. Is-serenità fir-ruħ tħaddnek fit-tgħanniqa infinita tagħha. Permezz ta’ Ġesù Kristu, qalbek u moħħok jegħrqu f’baħar ta’ mistrieħ. Sewwa jekk mard jew diffikultajiet, faqar, uġigħ jew tqasqis kontrik – tibqa’ tgħammar fi Kristu, mistkenn minn kull riefnu jew sħab sewdien. Tkun bħall-merill moħbi fix-xaqq tal-blat, għall-irdoss tal-bejta, waqt li t-tempesta tkun fl-agħar tagħha. 

Se tobdi dal-kmand prezzjuż? Ingħatalek għall-ġid tiegħek. Tibqax magħluq fik innifsek. Issa li taf fejn hemm riżorsi u potenzjal illimitabbli, tibqax b’idejk fuq żaqqek. 

Talba: “Iva, Mulej, nemmnek u nafda fik; iżda, nitolbok, għin in-nuqqas ta’ fidi tiegħi. Niġi għandek, imqar jekk bħalissa nzappap. Tħallinix nissetilja b’tidwiqa żgħira tal-bontà tiegħek. Il-barkiet li tajtni huma kbar, iżda fil-fedeltà tiegħek tibqa’ tagħtini l-barkiet innumerabbli tiegħek. L-għotjiet tiegħek la jqarrqu u lanqas jiddiżappuntaw, għax int ġeneruż u benevolenti. Immotivani biex infittxek aktar, bħaċ-ċerva fix-xagħri li tfittex l-ilma biex tissodisfa l-għatx klubi tagħha. F’isem is-Salvatur tiegħi Ġesù nitolbok dan. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...