Skip to main content

Fis-Sħana tal-Forġa

“Ara, hieni l-bniedem li Alla jwiddbu; għalhekk it-tagħlima tal-Omnipotenti la tbarrihiex. Għax hu jfieri, u jorbot; hu jidrob, u jdejh ifejqu. Minn sitt ħsariet jeħilsek: iva, is-seba’ ma tagħmillikx deni. Fil-għaks jeħilsek mill-mewt, u fil-gwerra mis-setgħa tas-sejf. Int tkun sikur minn sawt l-ilsien, u lanqas tibża’ mill-ħerba meta tiġi. Bil-ħerba u bil-ġuħ inti tidħaq, u lanqas tibża’ mid-dbejjeb tal-art” (Ġobb 5:17-22).

B’dal-kliem Elifaż, wieħed mill-ħbieb ta’ Ġobb, esprima l-verità t’Alla. Jista’ jkollna trabil u saram daqs jiem il-ġimgħa, iżda Alla li ħadem f’dawk is-sitt ijiem għadu jaħdem favur niesu sakemm il-ħelsien tagħhom ikun sħiħ. Qatt u qatt il-Missier ma jaqta’ qalbu minn uliedu; jibqa’ jsus magħhom, jiddixxiplinahom, jesprimi mogħdrija lejhom. Imħabbtu hi infallibbli lejhom, il-merħla ċkejkna iżda tant għażiża ta’ Ibnu. 

Aħna nistrieħu fih; fih biss niskopru s-serħan tagħna. Meta l-provi jiġuna waħda wara l-oħra b’suċċessjoni mgħaġla, il-fidi tagħna tkun ittestjata ferm. Inħossuna għaddejjin minn ħuġġieġa tferneż. Qabel ma nkunu stejqirna minn daqqa waħda, nirċievu oħra. Nissupponu illi se nogħxew. Niddubitaw kollox, naraw kollox kbir, u aħna nfusna iċken minn nemlu, u dgħajjef daqsu.

Madankollu, daqshekk ieħor hi mgħaġla s-suċċessjoni ta’ kemm-il darba jeħlisna l-Mulej. Niddixxernu l-id providenzjali tiegħu, u hekk nithennew. Sorprendentement, għanjiet ġodda u hienja jinstemgħu ħierġa minn fuq l-inkwina taħraq tal-gwaj. Il-kunfidenza tagħna hi din: meta l-Mulej jagħtina sitt provi, sitta jkunu, u mhux iżjed. Jaf sa meta, fejn, għaliex, il-kif u kollox. 

Jista’ jkun li m’għandna ebda mistrieħ illum, għax ġew fuqna seba’ provi. Allura? “Is-seba’ ma tagħmillikx deni.” Il-ħażen jista’ jhedded. Bħal kelb jista’ jinbaħ għalina, iżda jinsab marbut biċ-ċinga; m’għandux ħila jmissna. In-nifs sħun tiegħu jista’ jdejjaqna, iżda d-dwiefer tiegħu ma jħokkux magħna. 

B’ġenbejna mħażżmin sewwa, niffaċċjaw is-sitt jew seba’ ħsarat. Alla hu fidil; ma jġarrabniex iżjed milli nifilħu. Mela nħallu l-biża’ għal dawk li m’għandhomx Missier, u lanqas Salvatur, u lanqas Spirtu qaddis fihom. Il-Kristjan jidher dgħajjef; attwalment hu mgħasses mill-Omnipotenti. Ftakar fil-wegħda: xagħra waħda minn rasna ma taqax mingħajr il-volontà ta’ Missierna. 

Talba: “Int ma ħbejtilniex il-fatti, Mulej Ġesù: avżajtna illi se jkollna ngħaddu minn triq dejqa u ristretta; għidtilna minn qabel illi se nkunu mġarrba, kultant anke sa ċerta esremità. Urejtna wkoll għand min nistgħu nirrikorru biex ninħbew fih. Jekk hu meħtieġ illi ngħaddu mill-prova, hekk ikun: biss kun magħna, żommilna l-ħarsa fuqek, tħalliniex nitfixklu. Ħa tkun dik il-fiduċja fik, li tajtna inti stess, il-vittorja li tegħleb id-dinja u t-tnassis kollu tagħha. Uri r-rebħa tiegħek fina u bina.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...