Skip to main content

Atturi Bla Unuri

“Tħalli ’l ħadd min jiddisprezzak minħabba ż-żgħożija tiegħek, iżda aktarx kun eżempju għall-kredenti fid-diskors, fl-imġiba, fl-imħabba, fil-fidi u fis-safa. Sakemm niġi applika ruħek għall-qari pubbliku tal-Iskrittura, għall-eżortazzjoni u t-tagħlim. Tittraskurax id-don fik, li kien mogħti lilek permezz ta’ profezija bit-tqegħid ta’ idejn il-presbiterju. Okkupa ruħek b’dawn il-ħwejjeġ, kun assorbit fihom, sabiex il-progress tiegħek ikun evidenti għal kulħadd. Oqgħod attent għalik innifsek u għad-dottrina tiegħek. Ippersisti fihom, għax billi tagħmel hekk issalva kemm lilek innifsek u lis-semmiegħa tiegħek” (1 Timotju 4:12-16).

Biex tiskonġri trid tkun pur. Jekk il-komportament tiegħi ħadd ma jsib x’jgħid fih, il-kunsill u ċ-ċanfir tiegħi jkun bil-wisq aktar aċċettabbli u kredibbli. Jekk qanpiena tkun imxaqqa, ħossha jinstema’ jżarżar. Ikel nutrittiv ma jinżlilniex tajjeb jekk inkunu nafu li l-kok sajjarulna bil-geddum u kontra qalbu. Hekk ukoll meta nfittxu li nagħmlu l-ġid, partikolarment ġid verbali - biċ-ċanfir, korrezzjoni u twiddib - jekk ħajjitna faċilment ssib fiha x’tikkritika, kif tista’ toffri l-kritika tiegħek lil sieħbek? “Kif jista’ għama jmexxi għama?” hi mistoqsija antika minn fomm divin li għadu jidderiġina sal-lum. 

Kemm huwa kommendibbli kieku nkun dejjem kwalifikat biex bl-imħabba nikkoreġi lil ħija, imwaqqa’ u possibbilment mgħattan taħt id-dnub, u fl-istess ħin ma nkun qatt nieqes mill-imħabba għalija nnifsi biex nirċievi bl-umiltà ċanfira serja. Bil-grazzja tiegħu Alla kapaċi jagħmilni sottomess biex nieħu dik id-duwa li, għalkemm b’togħma morra, hi l-mediċina ideali għalija f’dis-siegħa u l-mument.

Frattant sikwit nirċievu l-grazzja fil-batal, u ma nagħrfux inħaddmuha għall-avvanz tagħna. Richard Baxter jikkummenta hekk: “Hija waħda mill-mardiet l-aktar perikolużi f’dawk li jipprofessaw il-fidi, u waħda mill-iskandli kbar ta’ żmienna, illi persuni magħrufa bħala eminentement reliġjużi mhumiex kapaċi jilqgħu ċanfira ċara u ġusta. Sakranazz, midgħi jew fornikatur jaċċettaw lewma wisq aħjar minnhom. Dawn it-tip ta’ Kristjani, komuni ħafna, wara li jqattgħu sigħat jew jiem fl-istqarrija ħerqana ta’ dnubhom, u jagħmlu lamentazzjoni sħiħa quddiem Alla u l-bniedem illi ma jistgħux jagħlu aktar bid-dmugħ u dispjaċir, frattant jistmawha bħala inġurja kattiva kontrihom meta xi ħadd jgħidilhom nofs kelma kontrihom, u jikkonsidraw bħala għadu malinn lil kull min isejħilhom bħalma huma jsejħu lilhom infushom.”

Talba: “Eħlisni mill-faċċoliżmu, Sinjur Alla. Ninnota faċilment illi jien kburi u frattant nilgħabha tal-umli; għad hemm is-suppervja fija u frattant irrid nagħti l-impressjoni ta’ qadi; qalbi titbiegħed minnek u frattant inlissen diskors reliġjuż biex ngħatti. Illiberani minn dal-qerq midneb. Għallimni nilqa’ ċ-ċanfir, kemm minn Kelmtek kif ukoll b’fomm ħaddieħor. Agħtini li nimxi fl-indiema, f’ġieħ Ibnek Ġesù.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...