Skip to main content

Meditazzjoni f'Dinja Mgħaġla

“Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-parir tal-ħżiena, lanqas jieqaf fi triq il-midinbin, u lanqas joqgħod fejn joqogħdu ż-żeblieħa! Iżda l-għaxqa tiegħu hi fil-liġi tal-Mulej, u lejl u nhar jimmedita fuq il-liġi tiegħu. U jkun bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma, li tagħti l-frott fi żmienha, u ma jidbielx ukoll il-weraq tagħha, u kulma tagħmel isir ġid. Il-ħżiena mhumiex hekk, iżda bħat-tiben li jtajjar ir-riħ. Għalhekk il-ħżiena ma jiqfux quddiem il-ħaqq, u l-midinbin ma joqogħdux fil-miġemgħa tat-tajbin. Għax jaf il-Mulej triq it-tajbin, iżda tintemm triq il-ħżiena” (Salm 1:1-6). 

“Lejl u nhar jimmedita fuq il-liġi tiegħu”! Meta hu ħin adatt għall-meditazzjoni? Il-Ħadd, jingħad, hu l-ġurnata tas-suq għar-ruħ. Ma mmorrux is-suq biex nixtru proviżjon għal dik il-ġurnata biss, iżda għall-ġimgħa kollha, sakemm terġa’ tasal il-ġurnata tas-suq. Ħafna nies jisimgħu l-qari tal-vanġelu kif ukoll tal-epistola; jisimgħu wkoll il-prietka, u ma jħalluhiex tkun diġerita f’ruħhom. 

Aktarx milli ma jħalluhiex, qatt ma tgħallmu kif u kemm imisshom jimmeditaw fuqha, biex bis-sugu tagħha ruħhom tistejqer u tissaħħaħ. L-unika raġuni għala ninsew malajr kulma nisimgħu huwa għax mill-prietka nirritornaw id-dar għall-pranzu, u qatt ma nindenjaw naħsbu fuq x’ġie proklamat lilna. Tisma’ biss jiswielek biss daqs meta tpoġġi għarbiel fl-ilma: iżomm l-ilma sakemm jibqa’ fl-ilma. Bil-meditazzjoni flok għarbiel ikollok barmil. 

Il-ħasra hi, bosta nies jinsabu wisq imferfxa f’ħallata ballata ta’ attivitajiet. Jafu x’inhi azzjoni, iżda qajla l-kontemplazzjoni. David, bl-aġenda bieżla tiegħu bħala sultan, seta’ xorta waħda jgħid li l-Kelma kienet il-meditazzjoni tiegħu lejl u nhar. Fiha tgħaxxaq. Iżda kif tista’ tieħu pjaċir biha jekk ma toqgħodx fil-kumpanija tagħha? 

Hi dixxiplina eċċellenti jekk inderru lilna nfusna niltaqgħu m’Alla fit-talb u f’meditazzjoni serja kull filgħodu. Meta nperrċu lil ruħna fl-arja tal-Ġenna minn kmieni nkunu qed nagħmluha aktar faċli għalina matul il-jum li nħaddmu ħsibijiet nobbli u mmantnu spirtu pur. Il-ħsibijiet dwar Alla kienu l-ewwel viżitaturi li David laqa’ għandu filgħodu. “Kemm huma prezzjużi l-ħsibijiet tiegħek għalija, o Alla! Kemm hu kbir l-għadd tagħhom! Kieku kelli ngħoddhom, huma aktar mir-ramel; xħin nistenbaħ, inkun għadni miegħek” (Salmi 139:17-18). Alla u qalbu ltaqgħu appena qam mill-irqad, u akkumpanjaw lil xulxin tul il-jum.

Il-meditazzjoni kontinwata ġġib profitt kbir għar-ruħ. Ħsibijiet mgħaġla, li jiġu u jgħaddu malajr, qajla jħallu effett. Jistgħu jkunu pjaċevoli, iżda mhux daqstant vantaġġjużi. Mill-banda l-oħra, il-meditazzjoni deliberattiva hi l-aktar utli għax tassigura r-ritorn tal-ħsibijiet, sakemm jirreġistraw fil-qalb u ma jħalluhiex kif kienet, iżda jibdluha fix-xbieha ta’ Kristu.

Talba: “Mulej Ġesù, għaref u setgħani, minn fommok nirċievu kliem il-ħajja. Għallimna nomogħdu u nixtarru Kelmtek biex issostnina u tagħmlilna l-ġid. Ħalli l-intellett u r-ruħ u l-kuxjenza tagħna jkunu mxappa fiha, biex ma nibqgħux artifiċjali jew Insara tal-isem, iżda nsiru dixxipli ta’ stoffa, evidentement u indubjament segwaċi tiegħek, illi ħabbejtna, tajt lilek innifsek għalina, u wegħidtna li tibqa’ tiggwidana.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...