Skip to main content

Il-Kumpanija


“Min jimxi mal-għorrief isir għaref, iżda min jagħmilha mal-boloh isofri l-ħsara. Warrab minn quddiem iblah, għax ma tarax fih xofftejn l-għerf. Titħabbibx ma’ min jitmasħan, u la timxix ma’ min jagħdab, li ma titgħallimx drawwietu u ġġib xkiel għal ruħek. Min iħobb l-għerf iferraħ lil missieru, iżda min jagħmilha man-nies ħżiena jaħli ġidu” (Proverbji 13:20; 14:17; 22:24-25; 29:3). 

“Għidli ma min tagħmilha u ngħidlek x’int,” spiss tennew missirijietna ma’ xulxin. Naqbel għalkollox ma’ dal-ħsieb. In-nies li titħallat magħhom jinfluwenzawk, sew għat-tajjeb kif ukoll għad-deni. Jekk ħbiebek u sħabek ma tantx iħabblu rashom fuq il-ħwejjeġ li għandhom x’jaqsmu m’Alla, jitkellmu laxk u ħsiebhom fil-pjaċiri tad-dinja, int ukoll eventwalment issir tixbahhom. Illum qabel għada tiskopri kif int ukoll ftit li xejn taħseb fuq Alla, int ukoll titkellem kif ġie ġie, u l-attrazzjonijiet terrestri ssibhom jagħmlu bik, tant li jnessuk il-ħwejjeġ eterni tas-sema. “Min jagħmilha maz-zopp isir bħalu.” 

Fis-soċjetà tagħna, irridu nsemmu wkoll il-kotba, ir-revisti, ir-radju u t-televiżjoni, u fuq kollox l-internet. Dawn ukoll huma “sħab” tagħna. Attent x’taqra, x’tisma’ u x’tara fuq il-mezzi tax-xandir. L-influwenza tagħhom hi enormi. Jekk ma tkunx pożittiva, topera b’mod sovversiv għad-dannu tiegħek innifsek.

Forsi xi ħadd jistaqsi: “Teħodha bi kbira għax wieħed joqgħod jaqra r-revisti, isegwi l-isports jew jara t-telenovelas? B’daqshekk waqgħet id-dinja?” Nippreferi nistaqsi: “X’hemm pożittiv u profitabbli fihom? Qed jibnuk fil-karattru? Qed jedifikawk fil-fidi fi Kristu l-Mulej, u fl-imħabba lejn ħutek? Se tirċievi kuruna meta tidher quddiem it-tribunal ta’ Kristu għal dak l-ammont enormi ta’ ħin li ħlejt taqra letteratura dubjuża, tara programmi trivjali fuq it-televiżjoni, u tuża l-internet bla skop nobbli?

Taħsibx li rrid nindaħallek fil-kuxjenza; nixtieq biss li l-kuxjenza tiegħi u tiegħek tkun imdawla minn dal-prinċipju bibliku. “Min jimxi mal-għorrief isir għaref, iżda min jagħmilha mal-boloh isofri l-ħsara.”

Talba: “Mulej, nirrealizza illi l-kumpanija ma tikkonsistix biss f’persuni oħra, sew jekk huma ħbiebi jew sħabi fuq il-post tax-xogħol. Tikkonsisti wkoll f’kulma għandu ħabta jinfluwenzani. Ħa jkolli għassa fuqi nnifsi biex nagħraf x’kotba naqra, xi programmi nsegwi, kif ukoll kif u sakemm nuża l-internet. Tħallini naqa’ skjav ta’ ħadd u xejn, ħlief ta’ Ibnek illi jagħtini d-dawl u l-qawwa tiegħu, sabiex nogħġbu f’kollox.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...