Skip to main content

Erfgħu Qlubkom 'il Fuq

“Ladarba mela kontu rxoxtati ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ ta’ fuq, fejn hu Kristu, bilqiegħda fuq il-leminija t’Alla. Aħsbu dwar il-ħwejjeġ ta’ fuq, mhux il-ħwejjeġ fuq l-art. Għax intom mittu, u ħajjitkom issa hi moħbija ma’ Kristu f’Alla. Meta Kristu, li hu ħajjitkom, hu mmanifestat, imbagħad intom ukoll se tkunu mmanifestati miegħu fil-glorja. Mewtu mela l-membri tagħkom fuq l-art: il-fornikazzjoni, l-impurità, il-passjoni, il-leblieba ħażina u r-regħba, li hi idolatrija. Minħabba t-tali ħwejjeġ ġejja r-rabja t’Alla. Intom ukoll darba kontu timxu fihom, meta għixtu f’dawn il-vizzji” (Kolossin 3:1-7).

Regolarment ġie rrekordjat illi dawk l-Insara li l-iżjed kienu ffissati fuq iż-żmien li ġej kienu wkoll l-aktar effettivi u bieżla f’daż-żmien preżenti. L-appostli, grupp ċkejken ta’ rġiel, ħaduha f’idejhom, skont il-kummissjoni mogħtija lilhom, biex jikkonvertu l-Imperu Ruman lejn Alla l-ħaj minn paganiżmu sfrenat, tant kienu qalbhom merfugħa lejn is-saltna eterna li dwarha kellimhom Sidhom. 

Pawlu sebaqhom: ħadem u sahar, stinka u rsista. Nefaq u ntefaq għall-ġid ta’ ħaddieħor. Tant kien mixrub f’realtajiet spiritwali illi investa lilu nnifsu f’ħaddieħor, sabiex ikun milqugħ minnhom fl-għamajjar eterni. Min hu konvint dwar il-Ġenna jasal biex jintroduċiha hawn fid-dinja, imqar jekk togħma preliminari tagħha. Iħallu l-marka tagħhom fuq l-art proprjament għax moħħhom hu tant okkupat b’realtajiet eterni. Meta l-qalb tkun merfugħa ’l fuq, l-idejn jitbeżżlu u s-saqajn jiġru. 

Mill-banda l-oħra, meta l-knisja tfittex tistabbilixxi lilha nfisha bħala speċi ta’ imperu – kif provat tagħmel fil-Medju Evu, bl-Imperu Ruman Qaddis – tisfa l-inqas effettiva fuq l-art. Tista’ tikber numerikament; spiritwalment tkun magħluba. Il-prinċipju hu sorprendenti, iżda verissmu: immira lejn il-Ġenna u tingħatalek l-art magħha. Immira lejn l-art u la tieħu l-art u lanqas il-Ġenna. 

Tidher regoli stramba, iżda nistgħu nosservawha operattiva f’oqsma oħra. Is-saħħa fiżika hi barka kbira, imma appena tagħmel is-saħħa l-objettiv ewlieni u dirett tiegħek, tibda tiffissa u timmaġina li m’intix b’saħħtek kemm suppost tkun. Ir-regola stabbilita hi din: tkun b’saħħtek biss jekk tkun trid ħwejjeġ oħra – l-ikel u l-ilma, l-arja friska, irqad f’ħinu, ix-xogħol u r-rilassiment, l-indafa. 

Bl-istess mod, ma nistax nimmiljora s-soċjetà jekk is-soċjetà hi l-mira prinċipali tiegħi. Personalment, ma nistax nibda ngħix qabel ma nitgħammed fil-mewt ta’ Ġesù. Xejn inqas u xejn differenti mill-appostlu Pawlu, irrid “inkun naf lil Kristu u s-setgħa tar-resurrezzjoni tiegħu u x-xirka tas-sofferenzi tiegħu, billi nkun ikkonformat ma’ mewtu, sabiex b’xi mod nilħaq ir-resurrezzjoni mill-imwiet” (Filippin 3:10-11).

Talba: “Ma nehdewx milli nkunu msaħħra bil-meravilji ta’ mħabbtek lejna, Missier. Ħalli dik l-istess imħabba timmotiva biex inwieġbu bl-ikbar gratitudni, l-ogħla qima u bl-oħla ubbidjenza, ladarba aħna l-vokati tiegħek. Agħtina li nuru ċ-ċittadinanza vera tagħna, dik smewwitija, aħna u nitħalltu maċ-ċittadini Maltin sħabna. F’ġieħ Kristu Ibnek. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...