Skip to main content

Mnejn Jiġi l-Ferħ

“Ara, x’rajt: ħaġa tajba u xierqa li wieħed jiekol u jixrob, u jithenna fit-taħbit tiegħu kollu, li jitħabat taħt ix-xemx, matul il-ftit jiem ta’ ħajtu, li tah Alla, għax dan hu sehmu. Barra minn dan, bħalma ta Alla lil kull bniedem għana u teżori, hekk ukoll tah is-setgħa li jiekol minnhom, u jieħu sehmu, u jifraħ fit-taħbit tiegħu. Dan ukoll għotja t’Alla” (Ekkleżjażti 5:18-19).

F’ġieħ is-sempliċità, ħa ngħidu li l-ferħ jiġina minn erba’ sorsi. 

1. Il-ferħ inixxi meta tkun konxju illi int maħbub. Ħadd ma jista’ jkun ferħan jekk ma jkunx persważ illi hemm xi ħadd li jagħrfu, jaċċettah u jimportah minnu. Il-Kristjan għandu lil Alla omnipotenti bħala Missieru u l-Ħabbej tiegħu, li tah l-egħżeż u l-aħjar, ċoè lill-istess Ibnu. 

2. Il-ferħ jiġi mill-aċċettazzjoni illi s-sitwazzjoni tiegħi hi waħda tajba. In-nies li dejjem issibhom imferfxa dwar il-qagħda u ċ-ċirkostanzi tagħhom, u jixtiequ kieku l-affari kienet differenti, u jixxenqu biex jiġru ċerti affarijiet, jiskwalifikaw lilhom infushom mill-ferħ. Il-Kristjan mhuwiex hekk: jaf li Missieru hu Alla ta’ kull providenza, u jordna kollox għall-ġid ta’ wliedu.

3. Il-ferħ ikun tagħna meta għandna xi ħaġa denja tabilħaqq. Nitkellmu dwar l-għarusa tagħna, uliedna, id-djar u l-kotba u l-karozzi tagħna, id-delizzji u s-safar tagħna bħala ħwejjeġ li jhennuna. Irridu nfissru li f’dawn ir-relazzjonijiet u attivitajiet nippossiedu xi ħaġa prezzjuża li tirrendi ħajjitna sinifikanti. Il-Kristjan għandu wisq aktar minn hekk: għandu l-maħfra, il-ħajja eterna, il-fidwa bi Kristu. Għandu barkiet innumerabbli. 

4. Il-ferħ jitnissel u jkun mantnut fina meta għandna xi ħaġa siewja x’nagħtu. Aktar ma nagħtu aktar nitbierku. Il-Kristjan għandu l-evanġelju x’jagħti lil ħaddieħor; għandu l-imħabba t’Alla depożitata fih x’jgħaddi lill-proxxmu. 

Il-Kristjan għandu raġun jifraħ wisq aktar min-nies oħra.

Talba: “O Alla tagħna, int kont għalina kenn minn nisel għal nisel. Xebbagħna kmieni bi tjubitek, sabiex nifirħu u nithennew jiemna kollha. Ferraħna daqs il-jiem li fihom għallejtna, u s-snin li fihom rajna l-ħsara. Agħmilna utli u produttivi, biex niswew ta’ ġid għal xulxin, u jkollna sodisfazzjon illi nistgħu nwieżnu lil xulxin. Wettqilna għalhekk għemil idejna. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...