Skip to main content

Mistrieħ

“Kollox kien kommess lili minn Missieri. Ħadd ma jaf lill-Iben ħlief il-Missier, lanqas ħadd ma jaf lill-Missier ħlief l-Iben, u dak li lilu l-Iben, jekk irid, jirrivelahulu. Ejjew għandi, intom ilkoll li titħabtu u tinsabu mgħobbijin, u jien inserraħkom. Ħudu l-madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien manswet u umli fil-qalb, u ssibu l-mistrieħ għal erwieħkom. Għax il-madmad tiegħi faċli, u t-tagħbija tiegħi hi ħafifa” (Mattew 11:27-30).

Aħna n-nies salvati nsibu mistrieħ fi Kristu Sidna. Dawk li għadhom mitlufa jirċievu l-mistrieħ jekk jersqu lejh, għax hawnhekk iwiegħed li jagħti s-serħan. Xejn mhu iżjed b’xejn minn għotja. Ejjew naċċettaw bil-ferħa lil dak li jagħti bil-ferħa. Ma tistax tixtri l-mistrieħ, lanqas tissellfu. Tirċevih bħala għotja. 

Bħalissa qed tistinka, mgħakkes taħt il-frosta tal-ambizzjoni, ir-regħba, l-immoralità, is-suppervja jew l-ansjetà. Kristu jilliberak minn dal-jasar tal-ħadid, u jagħtik is-serħan. Tinsab mgħobbi – iva, mgħobbi wisq bid-dnub, bil-biża’, bl-inkwiet, rimors, terrur tal-mewt. Jekk tiġi għandu, ineħħi t-tagħbija minn fuqek. Kristu ġarr it-tagħbija tremenda ta’ dnubna, biex ma nqandluhiex iżjed. Sar għalina r-reffiegħ tat-tagħbija, l-għallieb fuq id-dnub, biex kull min iħossu mgħobbi ma jibqax jitkagħweġ taħt it-toqol u l-pressjoni enormi.

Ġesù Kristu jagħti l-mistrieħ. Iva, hekk hu. Temmen dan? Lest tittestja dan għalik innifsek? Lest idduq il-verità tal-wegħda tiegħu issa stess? Ejja għand Ġesù l-Mulej, billi titlaq kull tama oħra. Ikkonsidra kemm hu adegwat għalik; emmen ix-xhieda t’Alla dwaru, u afda kollox f’idejh. Kapaċi jaqilgħek mill-kundanna, mill-ħtija, u mill-vizzju, u jagħtik il-libertà.

Jekk tiġi għandu b’dal-mod, il-mistrieħ li jagħtik ikun fond, sikur, qaddis u dejjiem. Jagħti mistrieħ li jiżviluppa f’ġenna, u lest jagħtih illum lil dawk li jersqu lejh bil-fidi.

Talba: “Il-fidi tiegħi bħal qasba mriegħda, Mulej! Naf kemm hi debboli u żgħira. Minkejja dan, ma rridx niffissa fuq il-fidi iżda aktarx fuqek, il-Feddej potenti li wettaqt purifikazzjoni għad-dnub u allura kapaċi tnaddaf lil ruħna u tweżinna mill-piż tal-ħtija. Ħa nħares lejk, mhux lejja nnifsi. Nitpaxxa bik, bla ma nħabbat ebda bieb ieħor. Ħares lejja. Waqt li ssalva lil ħaddieħor, tinsiex lili. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...