Skip to main content

L-Għerf Veru

“Ibni, jekk tilqa’ kliemi u taħżen il-kmandamenti tiegħi ġo fik, billi tagħti widen għall-għerf u għal-fehma t-tajba, iva, jekk int isejjaħ id-dehen, u għall-fehma t-tajba int terfa’ leħnek; jekk tfittxu bħallikieku fidda, u tħaffer għalih bħallikieku teżori moħbija, inti tifhem il-biża’ tal-Mulej, u ssib it-tagħrif t’Alla. Għax il-Mulej jagħti l-għerf, u minn fommu ġej it-tagħrif u d-dehen. Hu jaħżen għerf kbir għan-nies sewwa; hu tarka għal min jimxi bl-onestà” (Proverbji 2:1-7).

Ħa nagħmillek mistoqsija: “Int għaref?” Iva, le jew insomma? Ma nafx x’irrispondejt; dik ħaġa bejnek u l-Mulej. Iżda nixtieqek tara mill-Iskrittura jekk Alla jqisikx għaref jew iblah.

Għal Alla, l-għerf ma jfissirx kemm taf skola u xi grad ta’ edukazzjoni lħaqt. Tista’ tkun l-akbar professur akkademiku, u f’għajnejn Alla tkun għadek lanqas biss bdejt. Mill-banda l-oħra, tista’ tkun illitterat, bilkemm taf tħarbex ismek, u tkun għaref tassew. Għax fejn jibda l-għerf? Isma’ t-tweġiba awtorevoli: “Il-biża’ t’Alla hu l-bidu tal-għerf!”

Mela, biex tkun taf jekk intix għaref jew le, staqsi mistoqsija oħra: “Personalment, għandi l-biża’ t’Alla jew le?” Jekk tibża’ minn Alla bdejt titgħallem, iżda jekk mhuwiex f’ħajtek hekk illi fid-dawl ta' Kelmtu tieħu d-deċiżjonijiet tiegħek, għadek stupidu u injorant daqs għaxra.

“Il-biża’ t’Alla hu l-bidu tal-għerf, u li tagħraf il-qaddis hu dehen. Il-biża’ tal-Mulej hu l-bidu tat-tagħlim, iżda l-boloh jistmerru l-għerf u t-twiddib” (Proverbji 9:10; 1:7).

Talba: “Mulej, hi tattika perikoluża u saħansitra belha jekk jien nikkonsidra lili nnifsu b’għaref. Qabel kollox, rawwem fija l-biża’ riverenzjali lejk, o Ħallieq u Feddej tiegħi; għallimni nwarrab mill-ħażen. Għinni niskopri l-għerf fuqani, għax dan hu aħjar mill-qliegħ finanzjarju jew kull gwadann ieħor. F’ġieħ Ibnek u f’ismu nitlob dan. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...