Skip to main content

Il-Mannara

“Min jimxi dritt jimxi bla biża’, iżda min jgħawweġ triqatu jinqabad. Miżien qarrieq jistkerrhu l-Mulej, iżda wżin sħiħ hu l-għaxqa tiegħu. L-integrità tan-nies retti tmexxihom, iżda l-ħżunija tal-qarreqin teqridhom. Aħjar il-fqir li jimxi fis-sewwa tiegħu milli wieħed imħassar fi kliemu, u iblah. Ir-raġel ġust jimxi fis-sewwa tiegħu; uliedu huma henjin warajh” (Proverbji 10:9; 11:1,3; 19:1; 20:7). 

Alla ġust; fil-liġi jgħallem lill-poplu tiegħu biex jimxu b’ġustizzja, onestà u integrità bejniethom. “La tqarrqux fil-ħaqq tagħkom, fil-qjies, fl-użin jew fil-kejl. Għandu jkollkom miżien sewwa, użin sewwa, efa sewwa u hin sewwa” (Levitiku 19:36).

Madwarna nsibu qerq u diżonestà kontinwa. Kulħadd jiġbed lejn xawwatu bla ma jħabbel rasu għal ħaddieħor. Ħafna saru sinjuri għad-dannu tal-oħrajn. B’kuntrast, ulied Alla msejħin biex ma jaqblux ma’ did-dinja u l-pattern ta’ ħsibijietha. Avolja jekk kulħadd inassas u jipprova jinganna b’sieħbu, ħalli aħna d-dixxipli ta’ Ġesù Kristu nilbsu l-onestà u nistrieħu dejjem fuq il-ġustizzja, anke jekk nitilfu u nsofru għalissa.

Sibt favola dwar wieħed qed jaqta’ s-siġar ma’ xatt ix-xmara. B’xorta ħażina, billi għejja, il-mannara żelqitlu minn idejh u taret għal ġol-ilma, u minnufih għerqet fil-qiegħ. L-aċċident tant ħawdu illi ntefa’ fuq ix-xatt fejn kien u lmenta t-traskuraġni tiegħu. 

Fortunatament, ix-xmara inzertat proprjetà ta’ Merkurju, li tħassar lill-ħaddiem fqajjar, u allura deher quddiemu. Wara li sema’ r-rapport xi ġralu, Merkurju għodos sal-qiegħ u tella’ miegħu mannara dehbija. Imbagħad staqsa lill-povru jekk il-biċċa għodda kinitx tiegħu. Kif ir-raġel innega, Merkurju għodos għat-tieni darba u issa tella’ mannara fiddiena. Għal darb’ oħra r-raġel qallu, “Imma din mhix proprjetà tiegħi.” 

Merkurju qallu biex ma jinkwetax, u għodos għat-tielet darba; kif reġa’ tfaċċa f’wiċċ l-ilma, ipproduċa l-mannara mitlufa.

“Dik tiegħi!” esklama l-ħaddiem, ferħan se jtir illi finalment kiseb l-għodda lura. 

Merkurju tant tgħaxxaq bl-onestà tal-fqajjar illi fil-pront tah it-tnejn l-oħra bħala rigal. 

Aktar tard, il-ħaddiem sab il-kumpanni tiegħu u rrakkontalhom kulma għadda mingħalih. Wieħed minn ħbiebu ddeċieda fuq pjan biex jara jekk titbissimlux l-istess xorti. Għaldaqstant, mar waħdu fl-istess post taparsi biex jaqta’ s-siġar, u reħa l-mannara għal ġox-xmara apposta. Imbagħad intasab fuq il-ħaxix u għamel tabirruħu qed inewwaħ. 

Merkurju deher għal darb’ oħra, u kif sema’ l-kawża għala kien qed jitbekka, għodos fix-xmara. Irritorna wara minuta b’mannara dehbija, u staqsa lill-banavakk jekk il-mannara kinitx tiegħu. 

“Iva, dik hi, definittivament!” qallu b’persważjoni. 

Kif mattar idu biex jeħodha, Merkurju mhux biss ċaħħdu minnha, iżda lanqas biss indenju ruħu jogħdoslu biex iroddlu tiegħu. Hekk ir-raġel kien ikkastigat għall-gideb u t-tostaġni tiegħu.

X’inhu, għal nitfa qliegħ niġbed fuqi d-disprezz t’Alla? Hu miktub, “Dawk kollha li jagħmlu ħwejjeġ bħal dawn, u kull min ma jagħmilx is-sewwa huma mistkerrha mill-Mulej, Alla tiegħek” (Dewteronomju 25:16).

Talba: “O Alla, il-profitt meta aħna nsibu favur quddiemek hu infinitament aħjar u oħla minn kull gwadann materjali. Għaldaqstant, ladarba aħna magħrufa quddiemek, sawwar minna bnedmin onesti u sinċiera, għax int titgħaxxaq b’dawk li jimxu fl-integrità. Inti ġust, u tħobb il-ħaqq; wiċċek iddawwar lejn min hu sewwa.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...