Skip to main content

Identifikat ma' Kristu

“Għaldaqstant Ġesù wkoll bata barra minn xatbet il-belt sabiex iqaddes il-poplu permezz ta’ demmu stess. Allura ħa noħorġu lejh barra mill-kamp u nġorru l-għajb tiegħu. Għax hawn m’għandniex belt li tibqa’, iżda qed infittxu dik li għad trid tiġi. Permezz ta’ Ġesù, mela, ħa noffru kostantement sagrifiċċju t’eloġju ’l Alla, ċoè, frott ix-xofftejn li jistqarru ’l ismu” (Ebrej 13:12-15).

Faċli tissejjaħ Kristjan, iżda meta tkun taf lill-Feddej f’qalbek, u tistqarru b’fommok, kif ukoll issegwih minn jum għal jum, tkun qed tesponi lilek innifsek għall-għajb u l-istmerrija. Dan inevitabbli. Meta Filippu ltaqa’ ma’ Ġesù, dak li dwaru kitbu Mosè u l-profeti, spontanjament tkellem dwaru ma’ ħaddieħor. Id-dixxiplu ġenwin jistma lil Ġesù bħala l-Ħabbej tiegħu, u jagħżlu bħala l-ogħna teżor tiegħu, inkomparabbilment prezzjuż. Ir-rieda, l-affezzjonijiet u kull fakoltà tal-persuna tagħna jkunu offruti lilu. L-għażla ta’ Mosè ssir tagħna: “Ikkonsidra l-għajb ta’ Kristu bħala għana ikbar mit-teżori tal-Eġittu, għax kien qed iħares lejn il-premju” (Ebrej 11:26).

In-natura umana tagħna tirribella kontra dan kollu. Dejjem tistiga u tissuġġerixxi: “Salva lilek innifsek; ħu ħsieb l-isem u l-fama tajba tiegħek. Attent għax in-nies tarmik bħala skamplu. Tirrovinax il-karattru u l-prestiġju tiegħek. Tesaġerax għax toħroġ tellief. Mhux aħjar tkun moderat? Ma tistax tgawdi d-dinja u tgawdi s-saltna t’Alla fl-istess ħin?” 

Le, ma nistgħux inservu żewġ sidien. Wieħed minnhom eventwalment jegħleb. Il-fidi fi Kristu hi kuntrarja għall-kurrenti tad-dinja; impossibbli tkun rikonċiljata mad-drawwiet u l-massimi tagħha. Id-dinja hi l-kamp tal-għadu, allura rridu nirraġunaw li ma nistgħux niskapulaw milli nerfgħu l-għajb ta’ Kristu fuqna. Hu unur għalina. Hu diġà tgħabba s-salib minħabba fina, beżqulu u sawtuh u samruh mal-għuda. Hekk stmatu d-dinja. Mela jien kif imissni nistma d-dinja?

Nippreferi mmur niltaqa’ ma’ Ġesù u ngħammar f’imħabbtu. Voluntarjament sofra minfloki, issaporta l-agunija u l-ifnad umiljazzjoni. Ftit ieħor u narawh ġej mas-sħab, b’setgħa u glorja kbira. Tabilħaqq din hi l-fidi tagħna? Ħa tkun din it-tama l-meditazzjoni ferrieħa tagħna. L-għajb li nsofru minħabba Sidna mbagħad ngħodduh ħelu, u jqanqal fina xenqiet akbar biex inkunu miegħu.

Talba: “Mulej Ġesù, int għamiltieli ċara illi mhux faċli nsegwik; fissirtlu wkoll il-prijorità assoluta ta’ saltnatek; urejtni illi ladarba nqiegħed idi fuq il-moħriet ma nistax inħares waranijiet. Għinni! Issokkorrini biex kuljum niċħad lili nnifsi u nerfa’ s-salib. Ħa nkun identifikat miegħek, f’mewtek u l-irxoxt tiegħek. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Għajnejja

“Lejk nerfa’ għajnejja, o int li tgħammar fis-smewwiet. Ara, bħalma għajnejn il-qaddejja jħarsu lejn id sidhom, u bħalma għajnejn il-qaddejja jħarsu lejn sidtha, hekk għajnejna jħarsu lejn il-Mulej, Alla tagħna, sakemm ikollu ħniena minna. Ħenn għalina, o Mulej, ħenn għalina, għax aħna mxebbgħin għall-aħħar bit-tgħajjir. Ruħna mxebbgħa żżejjed biż-żebliħ ta’ dawk li huma paxxuti, u bit-tgħajjir tal-imkabbrin” (Salmi 123:1-4).  Huwa adatt li aħna nitolbu għar-rilif mill-istmellija. Sakemm għandna n-nifs, huwa preġju u żina għalina li nfittxu ’l Alla għall-għajnuna u gwida. Evidentement das-salm huwa t-tnegħida ta’ wieħed (ma’ fidili sħabu oħrajn) li jinsab fl-arena, f’sitwazzjoni iebsa, imkeskes minn nies ħżiena u mgħobbi bl-istmellija u d-disgust tagħhom.  Imma Alla, li jippermetti d-dwejjaq jinvistana biex sikwit jgħammar magħna, jista’ jneħħih, isostnina taħtu jew jislet il-ġid minnu. Kif jista’ Alla jwarrab talb bħal dan, kif imlissen hawn? Alla kapaċi u difatti ...

Id-Drawwa

“Ġesù rritorna fis-setgħa tal-Ispirtu fil-Galilija, u r-rapport dwaru infirex mal-inħawi kollha. Hu għallem fis-sinagogi tagħhom, imfaħħar minn kulħadd. Mar f’Nażaret, fejn trabba, u skont id-drawwa tiegħu mar fis-sinagoga f’jum is-Sibt. U qam biex jaqra Tnewwillu l-iskroll tal-profeta Isaija. Fetaħ l-iskroll u sab il-post fejn kien hemm miktub: ‘L-Ispirtu tas-Sid fuqi għax unzjonani ħalli nxandar l-evanġelju lill-foqra. Bagħatni nipproklama l-liberazzjoni lill-ikkaptivati, u dawl mill-ġdid lill-għomja, nibgħat illiberati lill-oppressati, nipproklama s-sena favorevoli tas-Sid.’ Imbagħad gerbeb l-iskroll, raddu lill-attendent u ntnasab bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu ssommati fuqu, u beda billi qalilhom, “Illum twettqet din l-Iskrittura li għadkom kemm smajtu’” (Luqa 4:14-21).  Hu sinifikanti ħafna kif hawn jingħad illi Ġesù attenda l-qima fis-sinagoga “skont id-drawwa tiegħu.”  Id-drawwa, imħaddma tajjeb u bil-għaqal, fiha valur imprezzabbli. Issiril...