Skip to main content

Bl-Onestà Kollha

“Min jimxi dritt jimxi bla biża’, iżda min jgħawweġ triqatu jinqabad. L-integrità tan-nies retti tmexxihom, iżda l-ħżunija tal-qarrieqa teqridhom. Aħjar il-fqir li jimxi fis-sewwa tiegħu milli wieħed imħassar fi kliemu u iblah. Ir-raġel ġust jimxi fis-sewwa tiegħu; uliedu huma henjin warajh. Aħjar il-fqir li jimxi fis-sewwa tiegħu milli wieħed li jimxi mgħawweġ fi triqatu, u jkun għani” (Proverbji 10:9; 11:3; 19:1; 20:7; 28:6). 

L-istampa turi lill-filosfu Grieg Dijoġene meta ħareġ fis-suq ifittex raġel onest. Dakinhar baqa' diżappuntat. Fid-dinja mħassra u f’nofs ġenerazzjoni perversa, x’jaqbillek, tkun persuna onesta jew inkella banavakk brikkun? Ħafna jassumu li jaqbillek tgħawweġ tikka għax b’hekk tiffranka salt inkwiet u takkwista l-ġid bla xkiel. “Jekk timxi b’subgħajk dritt, tbati,” jikkunsillawk. “Illum ftit għadek issib nies b’subgħajhom f’ħalqhom.”

Hawn nistgħu nxommu l-ingann sataniku. Mill-bidu nett, l-avversarju qalil tagħna qarraq b’Eva – ħasbet li kienet se tiggwadanja billi tikser il-liġi t’Alla. Minflok, it-trasgressjoni t’Adam u Eva wassal għall-qirda u r-rovina tagħhom u tal-umanità.

Ftit huma n-nies b’kuraġġ biżżejjed biex jemmnu ’l Alla billi jimxu dritt, onestament, skont il-liġi tiegħu. Wieħed skrivan irċieva direttiva mill-impjegatur tiegħu biex iwieġeb ittra li biha jikkanċella ordni, u qallu xi skuża kellu jġib. Kienet falza, u l-iskrivan bi qlubija rrifjuta milli jobdi l-ordni. Minflok ma ċanfru jew keċċieh, l-impjegatur tah promozzjoni bħala l-iskrivan konfidenzjali tiegħu. 

Ngħiduha kif inhi, mal-ewwel daqqa t’għajn, il-liġi t’Alla tidher tjassrek u tfixklek. Frattant, fir-realtà, il-liġi t’Alla hi liġi ta’ libertà, li tiggwida lil min jobdiha lejn mergħat iħaddru. Hieni l-bniedem rett, għax l-onestà taġevolah ’il quddiem minkejja l-ostakli u d-diffikoltajiet li jiltaqa’ magħhom.

F’suq tal-ilsiera f’wieħed mill-istati tan-Nofsinhar, darba jingħad li kien hemm tfajjel smart u attiv, għall-biegħ. Wieħed benestant tħassar il-kondizzjoni tiegħu, u ma xtaqx illi jispiċċa taħt xi sid kattiv. 

Allura resaq fuq it-tfajjel u qallu, “Jekk nixtrik, tkun onest?” 

B’ħarsa penetranti, il-ġuvnott wieġbu, “Sinjur, tixtrini jew ma tixtrinix, jien onest.”

Xi ssib meta tħares lejk innifsek? X’tiskopri fil-konkret? Forsi qed timplimenta l-kompromessi u taħbi fik xi dnub, għax mingħalik jaqbillek? Tibqax temmen tfesfis demoniku. Indem u ibda miexi fit-triqat tal-ġustizzja li jwasslu għall-paċi u l-ferħ ġenwin. 

Talba: “Ħarisli ruħi u eħlisni, Mulej, għax l-ingann hu fond u t-tattika satanika hi aktar milli niflaħ inġerragħ. Tħallinix nitfixkel, għax fik nistkenn; int waħdek it-torri setgħan tiegħi. Żommni miexi fit-triq id-dejqa; ħalli s-sewwa u d-dritt iħarsuni għax fik nittama jien.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...