Skip to main content

F'Kull Qagħda, Jien Nafda Fik

“Għax Sidi, il-Mulej, jgħinni; għalhekk ma nistħix. Għalhekk għamilt wiċċi bħal ħaġra taż-żniet, u jien naf li ma jkollix mniex nistħi. Qrib hu dak li jiġġustifikani; min se jeħodha miegħi? Ħa nqumu flimkien; min hu l-avversarju tiegħi? Ħa jersaq lejja. Ara, Sidi, il-Mulej, jgħinni; min se jikkundannani? Ara, ilkoll bħal libsa jeqdiemu; il-kamla tikolhom. Min fostkom jibża’ mill-Mulej, li jisma’ minn leħen il-qaddej tiegħu, li jimxi fid-dlam, u m’għandux dawl? Ħa jafda f’isem il-Mulej, u jistrieħ fuq Alla tiegħu” (Isaija 50:7-10).

Xi Kristjani, peress li mhumiex mgħallma, jistmaw il-providenzi partikolari, l-esperjenzi, il-manifestazzjonijiet tal-imħabba divina u l-barkiet temporali bħala l-barometru tal-imħabba eterna t’Alla. Jekk m’għandhomx dawn, dritt jiskuraġġixxu rwieħhom. Jilmentaw, “Alla rħieni, telaqni; ma jridx jaf bija aktar.” Għaliex? Għax jiddeterminaw l-imħabba eterna t’Alla skont kif igawdu kumdità, saħħa, għana, u faċilità f’dil-ħajja. 

Imma difatti, Alla jista’ jaħbi wiċċu, jirtira minna u jiċħdilna konforti u turijiet ta’ mħabbtu, u xorta waħda jkun iħobbna eternament. 

Nistgħu biss nikkoreġu lilu nfusna f’dan ir-rigward jekk nitgħallmu nimxu bil-fidi. “Meta Alla jidher bħala l-avversarju tiegħi,” jgħid Luteru, “u qisni narah b’sejf mislut kontrija, ninxteħet f’dirgħajh.” Hekk meta nimxu fid-dlam, Alla jridna xorta waħda nintefgħu fi ħdanu. Inkwantu dehriet u viżjonijiet t’Alla, dawn huma xierqa għall-Ġenna; u għalkemm Alla kultant jersaq lejna b’mod tabilħaqq reali u vividu, il-grazzja tiegħu aktar tissaħħaħ fina jekk ngħixu mingħajr dawn it-turijiet ta’ mħabbtu. Bħal dari, “il-grazzja tiegħu suffiċjenti għalina” (2 Korintin 12:9).

Għaldaqstant, meta jitfaċċaw l-iskuraġġimenti, huwa d-dover ta’ kull Kristjan illi jeżerċita l-fidi, b’mod partikolari minħabba t-theddida li jintelaq fil-ġenb. Kif nafu li dat-trattament huwa r-remedju adatt? David jgħid espliċitament, “F’kull żmien meta nkun beżgħan, nafda fik” (Salmi 56:3). 

Ġesù jeżorta lill-appostli tiegħu, “Tħallux qalbkom titħawwad. Intom tafdaw f’Alla; afdaw ukoll fija” (Ġwanni 14:1). Kienet qed tinġema’ sħaba sewda fuqhom; Kristu kien wasal biex jitteħdilhom. Ir-Ragħaj kien se jkun milqut u n-nagħaġ jixterdu. L-uniku mezz kontra l-gwaj u s-saram preskritt minn Kristu huwa proprju dan: biex ma jkunux sparpaljati fl-ispirtu tagħhom, kellhom jissoktaw jafdaw f’Alla u fih. 

Għaliex ingħatatilna l-fidi, jekk mhux għal perjodi kritiċi bħal dawn? Kull virtù għandu jkun eżerċitat fl-istaġun tiegħu. Jekk wieħed dineb, imissu jindem; dak hu l-istaġun għall-indiema. Jekk wieħed irċieva xi ħniena mingħand Alla, għandu jkun rikonoxxenti; dak hu l-istaġun għall-gratitudni. Jekk wieħed jara lil ħuh batut, imissu jagħtih karità; dak hu l-istaġun għall-grazzja tal-karità. Jekk wiċċ il-Mulej jiddi fuq il-bniedem, imissu jifraħ; dak hu l-istaġun għall-hena spiritwali. Bl-istess mod, meta l-iskuraġġimenti jassaltaw, imissu jħaddem il-fidi tiegħu; dan hu l-istaġun għall-fidi. 

Talba: “Missier sapjenti, kollok tjieba u rieda tajba lejna, nitolbuk biex nafdawk f’kull ħin u f’kull mument. Nixtiequ nroddu l-frott, u l-frott fl-istaġun tiegħu. Meta l-konforti u l-faraġ tagħna nħossuhom assenti, huwa l-istaġun xieraq biex ngħolli ħarsitna ’l fuq, bil-fidi lejk. Għallimna kontinwament nimxu bil-fidi, u mhux bil-viżjoni.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...