Skip to main content

Ħajja Niedma

“Lill-anġlu tal-knisja f’Efesu ikteb: ‘Dawn il-ħwejjeġ jgħid dak li jżomm is-seba’ kwiekeb f’idu l-leminija, li jimxi fost is-seba’ kandelabri dehbin. Naf l-għemejjel tiegħek, it-taħbit u l-perseveranza tiegħek. Naf illi ma tistax tittollera l-ħżiena, u ttestjajt lil dawk li jsejħu lilhom infushom appostli, iżda mhumiex, u sibthom foloz. Naf illi għandek il-kostanza u ssaportejt minħabba ismi, u m’għejjejtx. Madankollu għandi dan kontrik: ħallejt l-ewwel imħabba tiegħek. Ftakar mela mnejn waqajt! Indem u agħmel l-opri li għamilt għall-ewwel. Altrimenti se niġi għandek u nneħħi l-kandelabru tiegħek minn postu, jekk ma tindimx’” (Rivelazzjoni 2:1-5).

Inizjalment insiru wlied Alla bit-twelid mill-ġdid, fejn tingħatalna l-abbiltà biex nindmu u nemmnu l-evanġelju. L-indiema, flimkien mal-fidi, twassal għall-ħajja eterna. Mingħajrha ma nistgħux insalvaw. Minn qagħda ta’ telfien u kundanna ninġiebu f’qagħda ta’ salvazzjoni u grazzja, fejn għandna l-opportunità naqdu ’l Alla. 

Inevitabbilment, minkejja l-isforzi kollha tagħna, minħabba l-fdal tad-dnub, se nonqsu lil Alla anke bħala wliedu. Bħala dixixpli, Ġesù jgħallimna biex nitolbu, “Aħfrilna dnubietna.”

Hemm differenza bejn indiema bħala wieħed mitluf, u ndiema bħala dixxiplu li diġà jinsab fis-saltna. Imma f’ċertu sens ieħor hi l-istess indiema, estiża, kontinwa, li għadha ħajja u effettiva. Mhux indiema ta’ ġurnata fil-passat, u daqshekk. Il-Kristjan jgħix ħajja ta’ ndiema. Bħalma nemmnu fil-bidu, u nibqgħu nemmnu matul ħajjitna, hekk ukoll nindmu malli nkunu riġenerati u nibqgħu bi spirtu niedem u qalb sogħbiena. Hija r-regola, in-norma ta’ ħajjitna. Mhux esperjenza waħdanija fil-passat.

Meta l-Kristjan jindem jagħmel dan “għas-salvazzjoni” (ara t-2 Korintin 7:1-17). Ovvjament mhux qed jiffereri għall-konverżjoni inizjali; qed jalludi għall-kobor u l-progress fil-ħajja Kristjana. “Salvazzjoni” hawn hi wżata bl-istess sens bħal meta jingħad li jmissna nħaddmu s-salvazzjoni tagħna bil-biża’ u t-tregħid (Filippin 2:12-13).

Il-Korintin, Pietru u David kollha nidmu bħala wlied Alla. Ladarba jkun hemm konverżjoni ġenwina fil-bidu, l-effetti tagħha jibqgħu. Il-Kristjan, avolja mhux eżentat milli jiżbalja bl-ikrah, xi darba jew oħra jerġa’ lura fi ħdan il-Missier. 

Talba: “Ferra’ fina, Missier smewwieti, dik il-grazzja li biha ngħixu minn ġurnata għall-oħra bħala nies niedma quddiemek, għax aħna m’aħna xejn ħlief trab u rmied, dipendenti għalkollox fuq il-ħniena tiegħek. Dawwarna lejk u ħalli wiċċek jiddi fuqna. Ilqagħna kif aħna, iżda tħalliniex kif aħna. Hekk ikun.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...