Skip to main content

L-Iblah u l-Għaref

“Fl-għajnejn l-iblah, triqtu tajba, iżda min jisma’ l-parir hu għaref. Il-ġlied jiġi biss mill-kburija, iżda l-għerf qiegħed ma’ dawk li jieħdu parir. Il-ħsibijiet ifallu fejn m’hemmx ftehim, iżda fejn hemm ħafna kunsilieri jseħħu. Isma’ l-parir u ilqa’ t-twiddib biex issir għaref tul ħajtek. Rajt bniedem jidhirlu li hu għaref? Hemm aktar tama għall-iblah minnu” (Proverbji 12:15; 13:10; 15:22; 19:20; 26:12).

Hemm min jaf ftit wisq, iżda għallinqas jinduna u jammetti li hu injorant. Imma ssib ukoll persuna li mingħaliha xi enċiklopedija ta’ għerf, u fil-fatt hu vojt daqs bużżieqa minfuħa. Il-Bibbja tgħid li hemm aktar tama għall-iblah minnu. L-iblah, jekk jammetti l-injoranza tiegħu u jfittex l-għerf isibu, filwaqt illi min jidhirlu li jaf ma jħossx il-bżonn jitgħallem u jibqa’ jgħix fid-delużjoni tiegħu. 

Meta kont għadni l-iskola, kont naf kollox. Ara jien jekk kellix naqa’ għall-parir tal-ġenituri jew is-superjuri tiegħi! Ma nafx x’ġara eżatt: bil-mod il-mod bdejt nitlef dak l-għerf kbir li kelli u llum kważi ma fadalli xejn minnu.

Kien hemm żmien meta kont professur tal-Iskrittura – saħansitra kont naf il-Grieg ukoll. Staqsini fuq xiex trid u nwieġbek. Illum qed nintebaħ bl-injoranza tiegħi – u dan ngħidu b’sinċerità. 

Kif tqis lilek innifsek? Kulħadd bil-kliem jammetti l-umiltà tiegħu, u li fadallu x’jitgħallem. Fil-fond ta’ qalbek tqis lilek innifsek għaref? Dawn huma mistoqsijiet intiżi biex jgħinuk tintebaħ jekk intix wieħed minn dawn. Sikwit taqra u tistudja l-Iskrittura biex titgħallem kif tgħix u ssolvi l-problemi tiegħek? Sikwit tieħu parir mingħand xi ħadd li tqisu matur u jaf il-Bibbja sew fl-esperjenza tiegħu? Toqgħod attent waqt il-prietki li jsiru fil-knisja? Għandek diffikultajiet u mistoqsijiet dwar il-fidi?

Talba: “Missierna smewwieti, int tħares lejn l-umli, iżda l-kburi tiddistakka ruħek minnu. Mela eħlisna minn din in-nasba meta nassumu li nafu xi ħaġa. Għallimna, Mulej, li ma nafu xejn, ħlief li bil-grazzja tiegħek għarafniek, u li x-xewqa tagħna għandha tkun li nsiru nafuk aktar u aktar, permezz ta’ Ġesù, l-isplendur tal-glorja tiegħek u r-rappreżentazzjoni eżatta tan-natura tiegħek. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...