Skip to main content

L-Awtorità Finali

“It-tielet darba din li ġej għandkom. ‘Fuq l-evidenza ta’ żewġ xhieda jew tlieta tkun stabbilita kull materja.’ Avvertejtkom diġà meta kont preżenti t-tieni darba, u avolja issa assenti se nwissi minn qabel lil dawk li dinbu fil-passat u lill-oħrajn kollha, illi jekk nerġa’ niġi, m’inix se niffrankahielhom, ġaladarba qed tiddomandaw prova illi Kristu qed jitkellem bija. Mhuwiex dgħajjef fit-trattament tiegħu magħkom, iżda setgħan fostkom. Għax tabilħaqq issallab fid-dgħufija, frattant jgħix bis-setgħa t’Alla. Aħna wkoll dgħajfin fih, iżda se ngħixu miegħu bis-setgħa t’Alla diretta lejkom biex inservukom” (2 Korintin 13:1-4).

Pawlu ma kienx lest iċedi l-awtorità appostolika fuq il-knisja, hi liema hi. Ma kienx faċilment se jħalli xogħol il-Mulej itir mar-riħ, turija tad-dmir u l-interess qawwi li kellu fis-safa, fil-qawwa spiritwali u l-perseveranza tagħhom.

L-ekwivalenti għal-lum hija s-supremazija tal-Iskrittura fuq kull sfera ta’ ħajjitna, sewwa jekk x’nemmu jew kif inġibu ruħna. Bħalma Kristu tkellem bil-fomm u bl-ittri ta’ Pawlu u l-appostli l-oħra, hekk illum jindirizzana u jiggwidana bil-Kelma, applikata mill-Ispirtu tiegħu.

Mela l-awtorità li Pawlu jesprimi hija investita fl-Iskrittura. Hi l-mexxej tagħna, għax biha Kristu jiddereġina. Pawlu kien determinat jeżercita din l-awtorità investita fih. Għaldaqstant jistabbilixxi diversi prinċipji biex jiġu applikati. L-ewwel nett, ifakkar lill-Korintin li meta jasal fosthom l-akkużi kollha jkunu kkonsidrati bil-fer u trattati b’mod ġust. Din l-awtorità mhix kapriċċjuża jew ġdida: infatti jikkwota mid-Dewteronomju. Hi politika antika li Alla nnifsu stabbilixxa.

Kwalunkwe mexxej m’għandu ebda dritt joħloq minn żniedu jew jippromulga xi “liġi kanonika,” kif sfortunatament ġara fi ħdan il-knisja Rumana. Lanqas l-Evanġeliċi mhuma eżenti minn dal-periklu. 

Imma kull fejn jinstab id-dnub l-awtorità spiritwali ma tistax tegħmeż u tiffrankaha lil min qed jgħaffeġ fid-diżubbidjenza. Tagħti ċ-ċans u l-ħin għall-indiema, imma d-dnub irid jiġi trattat bla dewmien, bla kompromess u radikalment. Altrimenti jibla’ l-komunità sħiħa, sew jekk ikun falliment fid-dottrina u l-fidi, kif ukoll jekk hi żelqa morali.

Talba: “Bħala l-familja tiegħek, Missier, agħtina illi jkun jimportana minn xulxin, filli neżortaw u nagħmlu l-qalb lil xulxin sabiex nibqgħu bla ma ngħejjew jew nogħxew fit-triq. Ħa nkunu dixxiplinati; iffortifikana bil-grazzja tiegħek. Ħa nkunu bieżla fl-użu ta’ kull mezz għad-dispożizzjoni tagħna biex nissaħħu spiritwalment. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...