Skip to main content

Il-Lezzjoni Ta' Pambo

“Kliem il-ħżiena hu nassa għall-ħajja, iżda fomm in-nies retti jagħi l-ħelsien. Bil-frott ta’ fommu l-bniedem jixba’ bil-ġid, u kulħadd jitħallas skont għemil idejh. Min jgħid is-sewwa jgħid dak li hu ġust, iżda xhud giddieb jgħid ħaġa b’oħra. Xofftejn is-sewwa jżommu sħiħ għal dejjem, iżda lsien giddieb hu għal waqt wieħed. Xhud tajjeb isalva l-ħajjiet, iżda xhud falz jgħid il-gideb. Xofftejn ġusti huma l-għaxqa tas-slaten, u huma jħobbu lil min jitkellem is-sewwa. Min iħares fommu u lsienu jħares ruħu mill-għali” (Proverbji 12:6,14,17,19; 14:25; 16:13; 21:23). 

Minn diskorshom wieħed jista’ jiddistingwi lil ulied Alla minn ulied id-dinja. Immexxija minn Satana, missier il-gideb, il-mitlufa huma bħal missierhom, giddieba. M’għandhom ebda rispett lejn il-verità. Il-gideb hu magħġun f’ħajjithom, kemm jekk hu gideb sfaċċat jew aktar fin. Il-mifdija, bħal Sidhom li stqarr, “Jien hu l-verità,” iħobbu l-verità, jimxu fiha u jistkerrhu l-gideb.

Il-verità mhux dejjem faċli tgħidha. Tista’ ġġibek fl-inkwiet. Titlob lill-ħati jikkundanna lilu nnifsu. Sokrate, l-istorjografu ekkleżjastiku, jirrapporta ġrajja dwar wieħed Pambo, raġel komuni u injorant. Dan invista duttur għaref, u xtaqu jgħallmu xi salm jew qawl. Id-duttur beda jaqralu minn Salm 39: “Għidt jien: ‘Noqgħod attent għal triqati, biex ma nidnibx bi lsieni; sarima nqiegħed fuq fommi…” 

Lanqas laħaq spiċċa l-ewwel vers illi Pambo talbu jagħlaq il-ktieb u telaq, wara li qallu illi appena jitgħallem dil-lezzjoni jerġa’ jiġi għal aktar. Wara assenza ta’ xi xhur, il-qarrej tiegħu rah fit-triq u qallu meta jkun lest biex jagħtih it-tieni lezzjoni. 

Pambo wieġbu, “Għadni ma tgħallimthiex sewwa l-ewwel waħda.”

U disgħa u erbgħin sena wara ta l-istess tweġiba lill-istess duttur.

Niżbaljaw bi lsienna, iva, imma l-Kristjan lest jammetti l-iżbalji. Ma jistax ibill subgħajh fid-dixx tad-dinja ħażina tal-lum, la bl-għemil u lanqas b’diskorsu.

Ġid id-dinja hu vanità, u għomorna hu biss mument fuq sfond l-eternità. Għalhekk jgħid, “Xofftejn is-sewwa jżommu sħiħ għal dejjem.” Alla japprova u jonora lil dawk li jgħidu l-verità. “Mulej, min jgħammar fit-tinda tiegħek? Min joqgħod fuq l-għolja mqaddsa tiegħek?” jistaqsi t-twajjeb. Iwieġeb minnufih, “Min jimxi bla ħtija, u jagħmel il-ħaqq, u jgħid is-sewwa f’qalbu” (Salmi 15:1-2). 

Il-giddieba jifformaw qatgħa differenti. Dawn, għalkemm igawdu għal ftit it-taħrif u l-manikati tagħhom, u jiffrankaw ħafna nkwiet billi jaħbu jew jgħawġu l-verità, huma għal waqt wieħed. Għax anke jekk tul ħajtu kollha jibqa’ ma jinkixifx, x’inhu għomor wieħed għal ħdejn l-eternità? Jekk il-bnedmin ma jindunawx bil-qerq tiegħu, min se jirnexxilu jaħbih mill-għajnejn, qishom fjamma nar, tal-Mulej Ġesù Kristu?

Talba: “Mulej, ma tħallina f’ebda dubju illi naħsdu biss dak li niżirgħu. Forsi mhux dakinhar stess, imma ċertament li l-ħsad jasal. Għallimna nħobbu l-verità sabiex naħsdu l-frott bnin tal-paċi u l-hena. Eħles lil dawk li qed jiffangaw fil-gideb u diżubbidjenza oħra sabiex ma jkollhomx għalfejn jitqannew bil-frott qares tal-għadab ġust tiegħek.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...