Skip to main content

Il-Fidil u l-Infidil

“Konsegwentement ma naqtgħux jiesna. Għalkemm il-bniedem esterjuri tagħna qed jitħassar, madankollu l-bniedem interjuri tagħna qed ikun imġedded jum wara jum. Għax l-afflizzjoni leġġiera u mumentanja tagħna qed tipproduċi għalina toqol etern ta’ glorja ’l hinn minn kull paragun, filwaqt li aħna nixħtu l-attenzjoni mhux lejn il-ħwejjeġ viżibbli, iżda lejn il-ħwejjeġ inviżibbli. Għax il-ħwejjeġ viżibbli huma temporanji, imma l-ħwejjeġ inviżibbli huma eterni” (2 Korintin 4:16-18).

Il-kredenti u l-miskredenti huma skandlu għal xulxin, u jistagħġbu bil-komportament ta’ xulxin. Il-bniedem karnali jiskanta meta jara lill-Kristjan miexi strett, skont ir-regola evanġelika, impennjat biex iċaħħad lilu nnifsu dawk il-libertajiet karnali li s-soċjetà sikwit tiffanga fihom. Mill-banda l-oħra, id-dixxiplu ta’ Ġesù jgħoddha bħala ħaġa tabilħaqq stramba kif il-bnedmin kapaċi jkunu daqshekk ikkattizzmati, imsaħħra bil-frugħa, u jippreferu jibqgħu wlied il-għadab, filwaqt li jgħejju lilhom infushom lejl u nhar, jiġru bla sens wara l-istħajjil qarrieq ta’ moħħhom, dejjem bieżla bla ma jipproduċu xejn sostanzjali. 

Il-Kristjan ma jifhimx kif l-għaxqiet mondani u l-pjaċiri tad-dnub kapaċi joffru tratteniment daqshekk fit-tul lin-nies. Eżopu għandu storja dwar id-dubbien. Jgħidilna kif wieħed tifel qaleb vażett għasel fil-kċina u ħallieh hemm. Ma damx ma attira lejh xebgħa dubbien li xammew l-aroma ħelwa u qabdu jlaqqtu l-għasel bnin. Ma’ dawn żdiedu aktar dubbien u ma tħarrkux minn fuq il-bank tal-kċina qabel ma ddevoraw kull qatra. Sfortunatament, b’toqolhom stess u bit-tidlik, ma setgħux itiru, avolja damu jipprovaw. Milquta bl-aptit voraċi tagħhom stess, għajtu, “Xi ħlejjaq stupidi aħna! Biex akkwistajna tikka pjaċir irmejna ħajjitna!”

Id-dixxiplu tan-Nazzarenu lanqas jifhem kif wieħed jista’ jirrifjuta lill-Imgħallem manswet, meta fih hemm rikonċiljazzjoni u paċi m’Alla, serħan għar-ruħ u l-milja tal-ferħ. Ma jifhimx kif wieħed jibqa’ stinat, bla ma jdur mill-mewt għall-ħajja, u jippreferi jibqa’ miżerabbli. Ma jifhimx kif in-nies jikkonċentraw biex jissoktaw jagħmlu lilhom infushom miżerabbli aktar milli huma. Ma jifhimx kif il-bniedem naturali jipprova jistabbilixxi l-Ġenna tiegħu fl-art, meta ilna żmien illi tkeċċejna minnha. Għalih hija ħaġa ovvja illi d-dinja hi speċi ta’ wied ta’ dmugħ, biex ma tkunx il-Ġenna tagħna. 

Il-Kristjan, imdawwal b’dawl smewwieti, jaf u jgħix fil-prospett ta’ ġudizzju universali. Frattant ġid u deni jiġu fuq it-twajbin u l-ħżiena, ħallata ballata. Hemm avveniment wieħed għan-nodfa u l-maħmuġa. Ulied Alla u wlied ix-xitan huma lkoll vjaġġaturi fil-vjal ta’ did-dinja. Il-fidil u l-infidil it-tnejn jieklu l-istess ikel, jilbsu l-istess ħwejjeġ. Abbli l-miskredenti, esternament, jidher aħjar, għax Alla sikwit jagħtih aktar mid-dinja peress li mhux se jkollu aktar lil hinn mill-qabar. Hu x’inhu, it-tnejn jirfsu l-istess art, jimirdu b’mard simili, jieħdu l-istess arja, jalloġġjaw fl-istess lukanda, u l-bqija. Iżda filgħodu l-mogħdijiet tagħhom jinferqu!

Il-Kristjan jitgħallem iħares lejn il-glorja u d-dinjità ta’ did-dinja, bis-saltniet, il-preġju u l-ambizzjonijiet tagħha, l-istess bħalma jħares lejn tallab imċerċer, mhux f’sikktu, illi jissellef ilbies ilellex u mill-ifjen, u jirreċta l-parti ta’ sultan għal siegħa fuq il-palk, biex imbagħad jinżel, id-divertiment jintemm u jerġa’ lura fi stat ta’ tallab. 

Talba: “Mulej, hi ħaġa bla sens meta jien ngħir għall-infidili. Il-barka tagħhom hi temporanja; tiegħi eterna. Il-ġid tagħhom hu transitorju; tiegħi dejjiemi. Jirċievu għotjiet; jien nirċievi għotjiet u naf mingħand min nirċevihom. Għaldaqstant inroddlok ħajr u nfaħħrek għal dejjem. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...