Skip to main content

Id-Dnub

“Mosè qalilhom: ‘Jekk tagħmlu dil-ħaġa, jekk tarmaw lilkom infuskom, u timxu quddiem il-Mulej għall-gwerra, u kull gwerrier tagħkom jaqsam il-Ġordan quddiem il-Mulej, sakemm ikeċċi l-għedewwa tiegħu minn quddiemu, u l-art tinħakem quddiem il-Mulej, imbagħad wara terġgħu lura, u tkunu bla ħtija quddiem il-Mulej u quddiem Iżrael; u din l-art tkun tagħkom quddiem il-Mulej. Iżda jekk ma tagħmlux hekk, ara, tidinbu kontra l-Mulej, u kunu afu li dnubkom isibkom” (Numri 32:20-23). 

Faċli tgħid gidba waħda, imma diffiċli tgħid gidba waħda biss. Bħal f’żelqiet oħra, id-dnub, anke jekk xejn gravi, jista’ jkun l-okkażżjoni ta’ għali kbir, meta ma jkunx hemm għali għad-dnub. 

Kwalunkwe dnub ta’ preżunzjoni hu kommess bid-dawl fil-moħħ u l-malizzja fil-qalb. Dnub ta’ debolizza jista’ jaqla’ apoloġija; dnub tal-injoranza jista’ jkun skużat; imma dnub ta’ sfida ma jista’ jsib ebda difiża. 

Kwalunkwe faxxa tgħatti l-ġrieħi, imma l-ifjen ħarir ma jostorx dnubietna. Meta nittrasgredixxu l-liġi dejjem hemm żewġ xhieda preżenti biex josservaw u jirreġistraw: aħna nfusna u Alla nnifsu. Bħalma l-kommissjonijiet midinba jidorbu r-ruħ, qisu bi stallett, hekk l-ommissjonijiet midinba joqtluha bil-ġuħ. Evita d-dnubiet magħrufa tal-ommissjoni, u Alla jżommok lura mid-dnubiet tal-kommissjoni. 

Hemm tliet gradi fid-dnub, bħallikieku għandu l-età tiegħu. L-ewwel, jitnissel bħala dnub sigriet; huwa ulċera fl-għadam, taħsir intern, mgħotti bil-filoxx tal-ipokresija. It-tieni, isir dnub qammasi u pubbliku, u bla mistħija jiżżarġan f’viljakkeriji bil-miftuħ. Tal-ewwel hi l-korruzzjoni, tat-tieni hu l-iżbroff. It-tielet, id-dnub jikkonferma ruħu fil-frekwenza, u jsir valenu li jgħaxxi u joqtol ir-ruħ. Id-dnub għandu l-mod tiegħu kif jissopravivi. L-ewwel jitfaċċa kemxejn, imbagħad nipprattikawh, imbagħad niddefenduh, u fl-aħħar niftaħru bih. 

Xi wħud jaħsbu li rreġistraw progress fid-devozzjoni meta jinħelsu mill-kurrent tal-ħala u jiżżerżqu fl-għadira tar-rgħiba. Dnub wieħed għandu ħabta jġib lill-ieħor, preċiżament bħaċ-ċrieki fl-ilma meta tgara ċagħqa, ċirku jipproduċi ċirku ieħor. Meta tfaċċa l-għadab f’qalb Kajjin, l-omiċidju ma kienx fil-bogħod. Iċ-ċrieki fl-ilma eventwalment jintfew, imma dnub żgħir inissel wieħed agħar, bħalma ftit ħuxlief jitkebbes biex imbagħad iqabbad ħuġġieġa kbira ta’ ħatab u għawied. Meta ma tosservax ma tiftakarx, u meta tinsa d-dmir tkun qed tistieden id-diżubbidjenza u r-ribelljoni. 

Id-dnub jiddegradih lill-bniedem; jagħmlu bhima. Jibqagħlu s-sura ta’ bniedem, imma jkun iddiġenera f’natura bestjali. Aħjar tkun bhima milli tkun bħal bhima, tgħix u tmut bħal bhima. Aħjar tkun il-ħmar ta’ Balgħam milli tkun ħmar kif kien Balgħam. Tabiħaqq, id-dnub jirrendi lill-bniedem bħal bhima, bħall-agħar bhima, u agħar mill-bhejjem. Ja bniedem miżerabbli, x’deformazzjoni għamel minnek it-tixwix f’qalbek! Alla għamilna “ftit ibax mill-anġli,” u d-dnub kapaċi jagħmilna ftit aħjar mid-demonji. 

Talba: “Missierna, ikkonvinċina illi tt-tniġġis spiritwali hu l-prekursur tat-telfien. Fejn jirrenja d-dnub, jirrovina. Urina fil-fond ta’ qlubna x’inihu l-gwaj għall-midneb illi jikseb sehmu, u jieħu kulma ħaqqu, għax ikun fl-Infern! Eħlisna, Mulej, u kulma jmur ikkonfermana bħala trofej tal-grazzja tiegħek.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

O Alla, Inqimek u Nadurak

“Għaldaqstant, neħħu kull ħmieġ morali u ħażen tant prevalenti, u bil-manswetudini ilqgħu l-kelma mħawla fikom, li kapaċi ssalva erwieħkom. Imma siru għammiela tal-kelma, u mhux sempliċement semmiegħa, altrimenti tilludu lilkom infuskom. Għax jekk xi ħadd hu semmiegħ tal-kelma u mhux għammiel, dan donnu raġel li jikkonsidra l-wiċċ naturali tiegħu f’mera: appena ħares lejh innifsu, telaq, u malajr nesa liema speċi ta’ persuna kien. Imma min jittawwal b’attenzjoni fil-liġi perfetta, il-liġi tal-libertà, u jkompli fiha, mhux isir semmiegħ li jinsa iżda jpoġġiha fil-prattika, dan se jkun imbierek f’għemilu” (Ġakbu 1:21-25). Prijorità numru wieħed: nitgħallem insir qejjiem. “Adoro Te.” Hi ċentrali, u kollox suppost jirrivolvi magħha, bħalma l-pjaneti jduru max-xemx. Attwalment mhuwiex hekk. Għad hemm x’wieħed jaqdef. Sakemm nibqgħu naduraw xogħolna b’tant impenn, u naħdmu b’tant serjetà fil-logħob tagħna, il-probabbiltà tkun li nibqgħu nilagħbu fil-qima tagħna. Frattant Alla Tr...