Skip to main content

Ġenituri u Wliedhom

“Il-bluha mqabbda ma’ qalb ta’ tifel, iżda l-ħatar tat-twiddib ibegħidha minnu. Min iħares il-liġi hu iben għaqli, iżda min jagħmilha maż-żaqqieqa jagħmel għajb lil missieru. Il-ħatar u t-twiddib jagħtu l-għerf, iżda t-tifel mitluq għal rajh jagħmel għajb lil ommu. Widdeb lil ibnek u jhennik; iva, hu jkun l-għaxqa ta’ qalbek. Min ifissed minn tfulitu l-ilsir, dan jispiċċa biex fl-aħħar ikun irid isir ibnu” (Proverbji 22:15; 28:7; 29:15,17,21).

Bħalma l-ulied huma kmandati minn Alla biex jobdu l-ġenituri tagħhom f’kollox, hekk ukoll il-ġenituri għandhom l-ordni mingħand l-istess Ħallieq biex iwiddbu lil uliedhom fit-tagħlim u t-twiddib tal-Mulej.

Din hi verità sempliċi u luċida: kull min għandu moħħ jista’ jifhimha. Madankollu ħafna ġenituri konvenjentement iwarrbu l-kmandament t’Alla, u flok imexxu lil uliedhom fi triq is-sewwa, jitilquhom għal rajhom. Indubjament, id-dmir tal-ġenituri hu peżanti, u fih sfida biex jitwettaq b’dinjità u suċċess. Imma Alla jagħti grazzja ’l min jobdih, biex Kelmtu titlaħħam fih u hekk jirrifletti l-glorja t’Alla fuqu. Għalhekk, intom ġenituri, agħmlu l-qalb, u fittxu obdu ’l Alla u rabbu l-ulied li fada f’idejkom skont is-sewwa.

Tagħmlux bħalma jagħmlu n-nies tad-dinja. F’isem il-libertà u t-tolleranza jħallu lit-tfal jagħmlu li jridu, tajjeb jew ħażin; jagħtuhom permess jgħaffġu u jħawdu, virtwalment bla gwida u direzzjoni. Indħil mill-inqas, u meta tintervieni, istmahom bħala ħbieb, mhux bħala wlied. Mentalità fjakka u irresponsabbli, ikolli ngħid! 

X’jiġri, inevitabbilment? It-tfal, fi bluhathom, jagħmlu lill-ġenituri tagħhom xejn aħjar minn skjavi, tapit taħt saqajhom. Ħafna ġenituri spiċċaw b’qalbhom maqsuma minħabba l-ardità, l-arrroganza, l-ingratitudni u d-diżubbidjenza sfaċċata ta’ wliedhom. Jikkonfermaw, b’għali għalihom infushom, il-verità li jekk ma turix interess biżżejjed fit-tifel, la jikber, it-tifel lanqas juri interess fik. 

Talba: “O Mulej, kemm hu importanti u kruċjali illi aħna l-ġenituri nifhmu u nimpenjaw ruħna fit-trobbija xierqa ta’ wliedna. Apparti metodoloġija prudenti, neħtieġu wisq aktar l-għerf mingħandek u d-dedikazzjoni. Nirrikorru għandek biex timlielna n-nieqes tagħna. U aħfrilna t-traskuraġni tagħna f’dan il-qasam. F’isem Ibnek Ġesù. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

O Alla, Inqimek u Nadurak

“Għaldaqstant, neħħu kull ħmieġ morali u ħażen tant prevalenti, u bil-manswetudini ilqgħu l-kelma mħawla fikom, li kapaċi ssalva erwieħkom. Imma siru għammiela tal-kelma, u mhux sempliċement semmiegħa, altrimenti tilludu lilkom infuskom. Għax jekk xi ħadd hu semmiegħ tal-kelma u mhux għammiel, dan donnu raġel li jikkonsidra l-wiċċ naturali tiegħu f’mera: appena ħares lejh innifsu, telaq, u malajr nesa liema speċi ta’ persuna kien. Imma min jittawwal b’attenzjoni fil-liġi perfetta, il-liġi tal-libertà, u jkompli fiha, mhux isir semmiegħ li jinsa iżda jpoġġiha fil-prattika, dan se jkun imbierek f’għemilu” (Ġakbu 1:21-25). Prijorità numru wieħed: nitgħallem insir qejjiem. “Adoro Te.” Hi ċentrali, u kollox suppost jirrivolvi magħha, bħalma l-pjaneti jduru max-xemx. Attwalment mhuwiex hekk. Għad hemm x’wieħed jaqdef. Sakemm nibqgħu naduraw xogħolna b’tant impenn, u naħdmu b’tant serjetà fil-logħob tagħna, il-probabbiltà tkun li nibqgħu nilagħbu fil-qima tagħna. Frattant Alla Tr...