Skip to main content

Alla Wieħed, Tliet Persuni

“Fis-sena li miet is-Sultan Għużżija, rajt ukoll lil Sidi qiegħed fuq tron, fl-għoli u merfugħ, u djulu kien jimla t-tempju. Is-serafini kienu weqfin fuqu: kull wieħed kellu sitt ġwienaħ; bi tnejn kien jgħatti wiċċu, u bi tnejn kien jgħatti riġlejh, u bi tnejn kien itir. U wieħed kien jgħajjat lill-ieħor u jgħid: ‘Qaddis, Qaddis, Qaddis, hu l-Mulej tal-eżerċti! L-art kollha mimlija bil-glorja tiegħu’” (Isaija 6:1-3).

Alla wieħed, tliet persuni! Alla tas-salvazzjoni tagħna! Alla li jġib lix-xewwiexa biex jagħrfuh, u flok jirroftahom, jintroduċihom f’saltnatu. 

Il-Missier ħabbna u bagħtilna Ħellies, biex iħabbrilha s-sena tal-ġublew. L-Iben assuma n-natura tagħna, laħam minn laħamna u għadam minn għadamna; f’demmu stess ħasilna immakulati, bla ebda makkja, liebsa l-perfezzjoni tiegħu biex ma tidhirx l-għera tagħna. L-Ispirtu s-Santu, mibgħut mis-sema, assuma l-kawża tagħna biex jiddefendina bħala l-Paraklitu fina u f’isimna, jassistina, jinkuraġġina, isaħħaħna, jgħallimna, iwiddibna, jilluminana, wara li nefaħ fina l-ħajja eterna, maqlugħa għalina minn Ġesù li hu l-ħajja għall-membri ta’ ġismu. 

Talba: “O Missier, kull foħrija u barka u ġieh nattribwixxu lilek, għall-imħabba safja, xejn meritata daparti tagħna, tant ineffabbli, tant meraviljuża, tant potenti biex issalva l-mitlufa u tittrasformahom. Grazzi għall-milja tal-grazzja, hekk li biha ngħatajna lil Ibnek biex nifformaw għalih il-merħla, il-ġojjell, il-wirt tiegħu. Grazzi tal-aċċess mogħti lilna biex nidhru quddiemek bl-ansjetajiet u l-hemm tagħna, bil-petizzjonijiet ta’ qalbna.

“O Ġesù, Bin Alla, bin Marija, inroddulek ħajr għall-kompletezza tal-favur tiegħek lejna, li bih aċċettajtna, tgħarrast magħna, intrabatt b’patt sagru magħna biex tfawwarna bil-ġid. Tbaxxejt għal-livell tagħna, biex tgħollina miegħek, ħalli nkunu fejn tinsab int u naraw il-glorja tiegħek li kellek minn qabel ma ssejset id-dinja.

“O Spirtu s-Santu, lilek nagħtu krettu għall-ħidma tal-grazzja divina fina, kif esibejtilna lil Kristu, kollox f’kollox għalina, l-Alfa u l-Omega, il-bidu u t-tmiem għar-ruħ, għall-qalb, għall-moħħ. Ħawwilt il-fidi fina, għakkist il-qalb stinata, ġeddidtna fl-ispirtu ta’ moħħna, għaqqadtna mal-Feddej għal dejjem, issiġillati bik, unzjonati bid-dilka tiegħek. Tikxfilna d-debbolizza biex nithennew fl-Omnipotenza tal-Irxoxtat. Turina l-bżonn biex nilqgħu l-provvista mħejjija għalina. Tweżinna fis-suppliki, tissupplixxi l-kliem, biex ma naqtgħux il-jies.

“O Alla Trinità, li tkellimt u l-univers infirex quddiemek bħal purtiera: ikkmanda biex bħalma d-dawl noneżistenti sema’ leħnek, ‘Ħa jkun id-dawl!’ u d-dawl sar, hekk aħna nagħrfu nimxu fid-dawl ta’ mħabbtek, u tabilħaqq niżvolġu s-sinifikat sħiħ tal-magħmudija tagħna, fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...