Skip to main content

Vapur fl-Ilma Jew Ilma fil-Vapur?

“Tħobbux id-dinja, lanqas il-ħwejjeġ fid-dinja. Jekk xi ħadd iħobb id-dinja, l-imħabba tal-Missier mhix fih. Għax kulma hu fid-dinja - il-leblieba tal-bniedem midneb u l-leblieba tal-għajnejn u l-kburija faħħarija tal-ħajja - mhux mill-Missier iżda hu mid-dinja. U d-dinja tgħaddi, u l-leblibiet tagħha wkoll, imma min jagħmel il-volontà t’Alla jgħix għal dejjem” (1 Ġwanni 2:15-17).

Kemm jiġina f’moħħna li spirtu mondan hu żvijjatura gravi inkwantu r-relazzjoni tagħna mal-Feddej, “li ta lilu nnifsu biex jeħlisna minn did-dinja preżenti”? (Galatin 1:4). Fih ħtija serja inkwantu Alla, u weġgħa inkalkolabbli inkwantu aħna nfusna. Alla jittimbra t-tali spirtu, li jiġi espress sikwit f’rgħiba bla kontroll, bħala idolatrija (Efesin 5:5), u l-idolatrija hi l-ewwel dnub tal-ewwel tavla tal-liġi. 

Il-periklu jinsab meta nħallu d-dinja tidħol fil-qalb. L-ilma jiswa għat-tbaħħir ta’ bastiment; mingħajru ma jittraġġittax minn port għall-ieħor. Iżda gwaj għall-bastiment, dak il-mument illi l-ilma jidħol fih. Sakemm l-ilma huwa wżat, kollox sew; meta jippenetra minn xi xaqq, il-vaxxell jaffaċċja periklu enormi. 

Id-dinja u kulma fiha hija utli, sakemm isir użu moderat minnha. Mhux ta’ b’xejn illi aħna mwissija biex nitbiegħdu mir-rgħiba. Ix-xewk, jekk tħallih waħdu, la jniggeż u lanqas jagħmel ħsara, iżda meta taħfnu f’idek issirlek pjaga waħda. L-affarijiet ta’ madwarna huma tajbin, għax l-art hi tal-Mulej, u kulma fiha. Il-ħolqien, partikolarment id-dinja, sar bħala l-għamara tal-bniedem u għall-benefiċċju tiegħu. L-abbuż u allura l-gwaj jiġi meta nrawmu affezzjoni immoderata lejha, għax il-prijorità tibqa’: “Fittxu l-ewwel saltnet il-Mulej u l-ġustizzja tiegħu, u dawn il-ħwejjeġ (ikel u xorb u lbies) jiżdidulkom” (Mattew 6:33).

Nafu biżżejjed kif il-prudenza mhux kulħadd iħaddanha. Dak li jidher ovvju u sensibbli mhux kulħadd jaħtru għalih innifsu. Xi wħud jirċievu doni mingħand Alla, u bl-injoranza tagħhom, flok jimmiljoraw, jaqgħu lura. Nabal ingħata r-risq; flok radd il-ħajr, siker. Sawl ingħata saltna; flok onora lis-Sultan tiegħu, għamel ta’ rasu. Ġuda ngħata appostolat, u flok ma wera’ fedeltà, biegħ lill-Imgħallem għal tletin munita fiddiena. 

Talba: “Għallimna, ja Sid, nagħmlu użu xieraq mid-dinja. Ħa nkunu l-istess bħall-pellegrini: nieħdu magħna n-neċessarju, għax il-bqija, flok jgħinna, ifixkilna. Pellegrin għaqli jieħu ħatar u kulma hu konvenjenti għall-vjaġġ tiegħu. Sakemm l-oġġett jgħinu ’l quddiem fi triqtu, jinqeda bih, u allura jistmah. Iżda malli l-oġġett isir ingombru jew b’xi mod jostakolah, iħallih warajh jew jarmih. Agħmilna dat-tip ta’ nies, aħna u nterrqu lejn Sijon t’hemm fuq! Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...