Skip to main content

Rikonċiljazzjoni

“Dan kollu hu mingħand Alla, li rrikonċiljana miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu u tana l-ministeru tar-rikonċiljazzjoni, ċoè, Alla kien qed jirrikonċilja d-dinja miegħu nnifsu fi Kristu, bla ma jgħodd l-offiżi tagħhom kontrihom. U kkommettielna l-kelma tar-rikonċiljazzjoni. Mela aħna ambaxxaturi għal Kristu, bħallikieku Alla qed jappella permezz tagħna. Nimplorawkom għal Kristu: kunu rikonċiljati m’Alla. Lil dak li ma kienx jaf dnub Alla għamlu dnub għalina, sabiex aħna nsiru l-ġustizzja t’Alla fih” (2 Korintin 5:18-21).

Fl-evanġelju, ir-rikonċiljazzjoni hi l-bidla ta’ relazzjoni bejn Alla u l-bniedem: fejn qabel kienet maqtugħa u diżastruża, issa r-relazzjoni hi msewwija. L-unika relazzjoni kienet dik bejn kriminal ħati quddiem l-Imħallef rett, li ma jinxtarax. Issa, bil-mewt ta' Kristu, il-qagħda t’Alla lejna nbidlet.

Għaliex kien hemm bżonn ta’ rikonċiljazzjoni? L-għadwa u l-avversità tagħna kontra Alla, bid-dnub, qanqlet l-oppożizzjoni qaddisa t’Alla kontra kull dnewwa u ħażen. Id-diżubbidjenza tagħna xegħlet l-għadab ġust tiegħu kontrina. L-inikwità tagħna stiednet il-ġudizzji tiegħu fuqna, u l-ħażen tagħna ġab fl-operazzjoni inevitabbli l-vendetta u l-kastig retributtiv t’Alla. Finalment konna ninsabu taħt is-saħta ta’ Liġi miksura u diżonorata. 

Bir-rikonċiljazzjoni sseħħ bidla tremenda: l-istat ta’ għadwa u avversità hu mibdul fi stat ta’ sliem u xirka dejjiema. Fir-restawr tar-relazzjoni mħarbta bejn Alla u l-bniedem ribelluż, “kollox hu minn Alla.” Aħna mgħarrfa illi “kull min jemmen…ikollu l-ħajja eterna” (Ġwanni 3:16), imma ma jgħidilniex “min jemmen” kif jasal biex jemmen. Dan insiru nafuh band’ oħra (2 Korintin 5:18-21). Alla hu s-suġġett tal-proċess rikonċiljattiv kollu. Bil-grazzja tiegħu jilħaq imqar l-għedewwa pessmi tiegħu. Mhux il-bnedmin jirrikonċiljaw lil Alla, imma Alla hekk bidel is-sitwazzjoni bejnu u bejn il-midinbin illi rrikonċilja d-dinja miegħu nnifsu.

Alla wettaq dir-rikonċiljazzjoni għalina fi Kristu, hekk li apparti minn Ibnu li ġab is-sliem b’demmu, Alla ma jistax ikun għalina dak li hu. Bħala fidili ninsabu rikonċiljati m’Alla permezz tal-mewt ta’ Ibnu; fi kliem ieħor, bid-demm tas-salib. Ladarba aħna rikonċiljati allura wkoll ġustifikati: iż-żewġ ideat jakkumpanjaw lil xulxin.

Talba: “Missier, darba ma konniex poplu tiegħek; issa sirna niesek. Darba konna aljenati minnek; issa rikonċiljati permanentement. Darba fittxejna d-dlam u ma ridniex nersqu lejn id-dawl; issa volontarjament dorna lejk, magħmulin kapaċi bil-grazzja tiegħek. Iva, dan kollu nafuh għall-medjazzjoni ta’ Ibnek Ġesù. Agħtina li nservuh bla riżerva, għas-sebħ ta’ ismek qaddis. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...