Skip to main content

Imħabba Straordinarja

“Imbagħad Ġuda (mhux l-Iskarjota) qallu, ‘Ja Sid, allura x’ġara illi biħsiebek timmanifesta lilek innifsek lilna u mhux lid-dinja?’ Ġesù wieġbu, ‘Jekk xi ħadd iħobbni, iżomm kelmti; u Missieri jħobbu, u niġu għandu, u nagħmlu l-għamara tagħna miegħu. Min ma jħobbnix ma jżommx kliemi, u l-kelma li tisimgħu mhix tiegħi, iżda tal-Missier li bagħatni. Għidtilkom dan kollu meta għadni magħkom. Imma l-Paraklitu, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier se jibgħat f’ismi, hu se jgħallimkom kollox u jfakkarkom kulma għidtilkom jien’” (Ġwanni 14:22-26).

X’hemm oħla milli Alla jagħmel l-għamara tiegħu miegħek? X’timmaġina aktar sublimi milli tgħum fl-imħabba t’Alla esperjenzata minn ġurnata għall-oħra? Jekk tixtieq tgawdi s-sens tal-imħabba divina, immedita spiss fuqha, irrifletti fuqha kuljum, qis x’wasal biex għamel fi mħabbtu, ċoè bagħat lill-istess Iben uniku tiegħu biex bih ikollna l-ħajja eterna. Bit-tpattija tiegħu onora l-liġi miksura, ottiena l-maħfra għal niesu u ġġustifikahom bis-sewwa perfett tiegħu.

Tafu dan bl-evanġelju? Fih l-imħabba divina hi żvelata. Temmen dil-bxara eċċellenti li twasslitlek? Għandek il-konvinzjoni mnissla fik mill-Ispirtu tal-verità? Tista’ tgħid li għandek il-maħfra? Din hi l-imħabba maħsusa u gawduta. Dan kollu jnixxi mill-imħabba rikka u sublimi t’Alla f’Ibnu Ġesù. 

Ħa jkun l-interess tiegħek kuljum illi żżomm ruħek f’das-sens ta’ mħabba straordinarja. Tħallix id-dinja tgħammixlek għajnejk biex ma tarax ir-realtà. Tippermetti xejn milli jfixklek mill-imħabba ġenwina. Il-passjonijiet karnali jagħmlu tagħhom; immortifikahom. Tpartat xejn mal-imħabba divina. Astjieni minn kull forma ta’ ħażen, għax dan inawwarlek is-sens tal-imħabba minn fuq. 

Daqskemm ikel inferjuri jweġġgħek jew anke jagħmel ħsara lil ġismek, hekk id-dnub f’kull espressjoni tiegħu jisraq lil ruħek mis-sliem, iberridlek is-sens ta’ mħabbet il-Missier etern, u jirrendik indifferenti u għaxi għat-tgawdija ta’ din l-imħabba stupenda. 

Talba: “Agħtina grazzja, Missier smewwieti, illi nikkonsidraw triqatna sewwa, u naħsbu x’għadda mingħalina. Mingħajr il-preżenza u l-barka tiegħek, ħajjitna hi niexfa deżert; għad-dell tat-tron tiegħek għandna s-sigurtà. Ħa ninħbew fik! Ħa jkollna d-dehen minn fuq biex nissoktaw interrqu fuq il-mogħdija li int stess urejtna, f’ġieħ Ibnek Ġesù. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...