Skip to main content

Minn Issa 'l Quddiem

“Is-sommu saċerdot qallu, ‘Aħlifli b’Alla l-ħaj: għidilna jekk intix il-Messija, Bin Alla.’ ‘Iva, int innifsek għidt,’ wieġbu Ġesù. ‘Madankollu ngħidilkom: mil-lum ’il quddiem għad taraw lil Bin il-Bniedem bilqiegħda fuq il-leminija tas-Setgħa’ u ‘ġej fuq sħab is-sema.’ Imbagħad is-sommu saċerdot ċarrat ilbiesu u qal, ‘Dagħa! Xi bżonn għandna iżjed ta’ xhieda? Araw, issa smajtuha d-dagħwa tiegħu’” (Mattew 26:63-65).

Xi kliem hu dan, “Madankollu...mil-lum ’il quddiem”! Nixtieq nimita ċ-ċarezza fil-vista ta’ Sidna, u f’nofs il-faqar, jew mard, jew tqasqis kontrija, jien ukoll ngħid: “Madankollu...mil-lum ’il quddiem.” 

Minflok dgħufija, għandu kull setgħa; minflok għajb, kull glorja; minflok żufjett, kull qima. Is-salib tiegħu ma tefiex l-isplendur tal-kuruna tiegħu, u l-bżieq li beżqu fuq wiċċu ma tellifx il-ġmiel ta’ wiċċu. Anzi, hu iżjed eżaltat u mweġġaħ minħabba l-passjoni tiegħu.

Għalhekk irrid jien ukoll nagħmel il-qalb minn dik il-kelma, “mil-lum ’il quddiem.” Ninsa t-tribulazzjoni preżenti fit-trijonf ġejjieni. Din hi bażikament sejħa għall-eżerċizzju tat-tama, tama illi għalkemm tista’ ttul ma titwettaq, impossibbli tiddiżappuntana, għax hi mnissla fina minn Alla fidil.

Il-Feddej tagħna kien fl-iżjed qagħda baxxa tiegħu meta quddiem il-persekuturi tiegħu kien kostrett jidher bħala kriminal! Madankollu għajnejh setgħu jaraw lil hinn mill-umiljazzjoni tiegħu u jimirħu fuq il-glorja futura tiegħu. Aktar tard fissirha hekk lil tnejn mid-dixxipli tiegħu: “Ewwilla ma ħtiġlux il-Messija jbati dawn il-ħwejjeġ u mbagħad jidħol fil-glorja tiegħu?” (Luqa 24:26).

Talba: “Għinni, Sidi Ġesù, billi tidderiġini fl-imħabba tal-Missier u fis-sabar tiegħek, biex meta nkun iżżufjettat għal ismek ma niċċaqlaqx, iżda naħseb iżjed u iżjed dwar il-ġejjieni, u għalhekk inqas u inqas dwar illum. Dalwaqt inkun miegħek u nara l-glorja tiegħek. Għaldaqstant ma nistħix, iżda ngħid fis-sigriet ta’ ruħi, ‘Madankollu...mil-lum ’il quddiem.’”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...