Skip to main content

Ix-Xandir tal-Kelma

“Issa jien naf illi intom ilkoll, li fostkom għaddejt nipprietka s-saltna, mhux se taraw wiċċi iżjed. Allura naffermalkom fil-ġurnata tal-lum illi jien innoċenti minn demm kulħadd, għax m’eżitajtx milli niddikjaralkom il-fehma sħiħa t’Alla. Oqogħdu attenti għalikom infuskom u għall-merħla kollha, li fiha l-Ispirtu s-Santu qegħidkom sopristanti, biex tirgħu l-knisja t’Alla li akkwista b’demmu stess” (Atti 20:25-28).

Il-kwistjoni mhix kemm il-predikatur għandu lsien ħafif, elokwenti u x’naf jien. Fjuri u tlellix verbali, espressjonijiet mingħajr impressjonijiet fit-talb jew fl-ippritkar, mhuma xejn ħobż nutrittiv, iżda biss ċimblu jżarżar. Il-predikatur jeħtieġ ikun imqanqal mill-verità li biħsiebu jwassal; jekk japprowċja l-ministeru tiegħu klinikament, postu mhux bħala ħabbar tal-evanġelju. Impossibbli xxandar l-evanġelju, bxara inkredibbilment eċċellenti, u tibqa’ passiv. Ħadida taħraq, avolja mhix misnuna, tinfed iżjed il-kuxjenza minn ħadida kiesħa, avolja tkun misnuna aktar mill-oħra. 

Il-qari privat tal-Bibbja kommendibbli, iżda qatt ma jista’ jieħu post l-ippritkar. Meta l-ħuġġieġa titqanqal tagħti aktar sħana milli meta tibqa’ bla mittiefsa; bl-istess mod bl-ippritkar u l-interpretazzjoni l-Iskrittura tħalli fjamma akbar fi qlub is-semmiegħa milli kieku jaqrawha waħidhom id-dar. B’sogħba nammetti li din mhix il-konvinzjoni popolari fost l-Evanġeliċi llum, li donnhom jiddisprezzaw id-doni li Kristu tahom, ċoè, predikaturi, rgħajja, għalliema u katekisti. 

Henry Smith, bħal sħabu fil-ġenerazzjoni tiegħu, kellu stima għolja tat-tnedija pubblika tal-Kelma. Kollox kien jirrivolvi dwarha, konvinti illi fejn il-Kelma tiffjorixxi titwieled il-fidi, u fejn hemm il-fidi, jikber it-tagħrif ta’ Kristu u jgħaddi ’l quddiem. U fejn Kristu hu magħruf, hu maħbub u obdut. 

Jgħid, “Salamun ikkunfessa illi studja biex ottiena d-dottrina tiegħu…Danjel kien profeta, u xorta waħda xtaq pawsa ta’ żmien qabel jinterpreta l-ħolma ta’ Nebukadnezzar…U jekk Ġesù riedna nikkonsidraw għalxiex nitolbu qabel nersqu lejn il-Missier, wisq aktar jeħtiġilna nqisu qabel niġu biex nippritkaw, għax hu aktar diffiċli xxandar il-Kelma t’Alla, milli titkellem m’Alla.”

Talba: “O Sid il-ħsad, ninterċiedu quddiemek għax-xandara tal-evanġelju. Għandhom sfida qawwija, iżda nemmnu li l-grazzja tiegħek tfornihom u tkun għalihom suffiċjenti. Agħtihom d-diskors fil-ftuħ ta’ fommhom ħalli jgħarrfu bil-kuraġġ il-misterju tal-evanġelju. Akkost illi jbatu, kif huma msejħin jagħmlu, nitolbuk biex ma jfittxux jingħoġbu mal-bnedmin iżda jaċċertaw ruħhom biss mill-approvazzjoni tiegħek. Iffortifikahom fl-ispirtu, u żommhom leali lejn il-mandat li rċevew mingħand Ibnek Ġesù. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

O Alla, Inqimek u Nadurak

“Għaldaqstant, neħħu kull ħmieġ morali u ħażen tant prevalenti, u bil-manswetudini ilqgħu l-kelma mħawla fikom, li kapaċi ssalva erwieħkom. Imma siru għammiela tal-kelma, u mhux sempliċement semmiegħa, altrimenti tilludu lilkom infuskom. Għax jekk xi ħadd hu semmiegħ tal-kelma u mhux għammiel, dan donnu raġel li jikkonsidra l-wiċċ naturali tiegħu f’mera: appena ħares lejh innifsu, telaq, u malajr nesa liema speċi ta’ persuna kien. Imma min jittawwal b’attenzjoni fil-liġi perfetta, il-liġi tal-libertà, u jkompli fiha, mhux isir semmiegħ li jinsa iżda jpoġġiha fil-prattika, dan se jkun imbierek f’għemilu” (Ġakbu 1:21-25). Prijorità numru wieħed: nitgħallem insir qejjiem. “Adoro Te.” Hi ċentrali, u kollox suppost jirrivolvi magħha, bħalma l-pjaneti jduru max-xemx. Attwalment mhuwiex hekk. Għad hemm x’wieħed jaqdef. Sakemm nibqgħu naduraw xogħolna b’tant impenn, u naħdmu b’tant serjetà fil-logħob tagħna, il-probabbiltà tkun li nibqgħu nilagħbu fil-qima tagħna. Frattant Alla Tr...