Skip to main content

Sinċerità Sabiħa

“Alla xhud tiegħi, kemm nixxennaq għalikom ilkoll bl-affezzjoni ta’ Kristu Ġesù. U dan nitlob, li mħabbitkom toktor aktar u aktar f’tagħrif sħiħ u kull dixxerniment, ħalli intom tapprovaw l-aħjar ħwejjeġ, sabiex tkunu sinċieri u inoffensivi sa jum Kristu, mimlijin bi frott il-ġustizzja li jiġi permezz ta’ Ġesù Kristu - għall-glorja u t-tifħir t’Alla” (Filippin 1:8-11).

Is-sinċerità hi ħelsien mill-ipokresija jew dissimulazzjoni. Il-kelma Latina sincerus, li minnha hi derivata l-kelma tagħna “sinċier,” hi komposta minn sine u cera, “bla xama’,” b’referenza għall-għasel pur, mhux imħallat bix-xama’. Tagħtina x’nifhmu li s-sinċerità hi prinċipju pur u dritt. Jekk l-ipokresija hi bħal pinn – ippontata f’direzzjoni waħda, u frattant għandha rasha band’ oħra – is-sinċerità taf fejn sejra, bla ma taqa’ għal bużullotti.

Il-Griegi għandhom il-kelma eilikrineia. Fost passi oħra nsibuha meta Pawlu jgħid: “Issa l-ftaħir tagħna hu dan: ix-xhieda tal-kuxjenza tagħna, illi kkomportajna ruħna fid-dinja, u speċjalment fir-relazzjonijiet tagħna magħkom, bis-santità u s-sinċerità li huma mingħand Alla, mhux b’għerf mondan iżda bil-grazzja t’Alla” (2 Korintin 1:12).

Tissinifika proprjament ġudizzju minn affarijiet magħmul mid-dawl jew id-dija tax-xemx. Ix-xerrej kien jgħolli l-oġġett għad-dawl tax-xemx biex jara jindunax b’xi difett fih. Mela dawk realment sinċiera jifilħu għat-test tad-dawl, u ma jibżgħux ikollhom il-prinċipji jew prattiċi tagħhom eżaminati mid-dawl. 

Kristu jirrikmanda dal-virtù. Meta ltaqa’ ma Natanael, irrimarka: “Ara, wieħed tabilħaqq Iżraeli, li ma fihx ħjiena” (Ġwanni 1:47). U miegħu predikaturi famużi, fosthom Thomas Brooks, li qal: “Is-sinċerità hi r-reġina tal-virtujiet.” Stephen Charnock kiteb: “Ma nistgħux ngħidu li qed nagħtu qima lil Alla jekk nonqsu mis-sinċerità.” William Plumer jikkonkorri: “M’hemm ebda sostitut għas-sinċerità skont it-tjieba.”

Talba: “Missier ħanin, minħabba d-dnub tagħna waqajna f’sitwazzjoni fejn sikwit niċħdu r-realtà u ma nkunux irridu naffaċċjaw il-ħwejjeġ kif inhuma. Illiberana minn dil-qagħda; ibnina fil-kuraġġ biex inħarsu lejn il-verità hekk li togħġobna u nkunu rridu nħaddnuha u nħaddmuha f’kull aspett ta’ ħajjitna. Fuq kollox, onġorna f’persuni sinċieri quddiemek u mal-bnedmin.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...