Skip to main content

Min hu Ipokritu?

“Tiġġudikawx, sabiex ma tkunux iġġudikati. Għax bl-istess mod kif tiġġudikaw se tkunu ġġudikati, u bil-kejl li tkejlu se jkun imkejjel lilkom. Għaliex tara l-iskalda f’għajn ħuk, imma ma tinnotax it-travu f’għajnek stess? Jew kif tista’ tgħid lil ħuk, ‘Ħallini nneħħilek l-iskalda minn għajnek,’ meta travu jinsab f’għajnek stess? Ja ipokrita, neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek stess, u mbagħad tara sew biex tneħħi l-iskalda minn għajn ħuk” (Mattew 7:1-5).

Meta affrontati bl-evanġelju, u jisimgħu l-istedina għas-salvazzjoni, in-nies iġibu l-iskużi. Waħda minnhom hi illi l-Kristjani huma ipokriti. Jekk int wieħed minnhom, jaqbillek tiftakar fil-kumment ta’ Eżopu, meta josserva kif, skont il-folklor antik, kull bniedem jitwieled fid-dinja b’żewġ barżakki mdendla m’għonqu – waħda quddiem u l-oħra warajh. Bil-mod il-mod, hu u jikber, il-barżakki jibdew jimtlew bid-difetti, nuqqasijiet, imperfezzjonijiet, defiċjenzi u l-bqija. Ironikament, fil-barżakka quddimina nixħtu d-difetti tal-proxxmu; f’ta’ wara nwarrbu tagħna nfusna. Konsegwentement, il-maġġor parti tal-bnedmin jagħmu lilhom infushom għan-nuqqasijiet tagħhom infushom, mentri huma konxji ħafna tan-nuqqasijiet ta’ qrabathom, ħbiebhom u l-konoxxenzi kollha tagħhom. 

“Il-knisja mimlija ipokriti!” jilmentaw. X’diżastru ta’ skuża din! Ovvjament, hemm ipokriti fil-knisja, u ninsabu avżati dwarhom! Allura hi ipokresija ġġib skuża bl-ipokresija ta’ ħaddieħor; tibqa’ xxomm il-fwieħa taċ-ċena u ma tersaqx għall-ikla. Apparti dan kollu, qed tinsinwa li Alla ma jagħrafhomx l-ipokriti? Kun af li l-knisja hi kapulavur għadu jinħadem. Għadha nofs xogħol. Allura qed tafferma li Alla m’għandux poplu sinċier u onest? Mhuwiex kapaċi Alla jittrasforma nies fi xbieha ta’ Ibnu? 

Qed tassumi li ħaddieħor ipokritu u int m’intix? Jekk hu hekk, qed tfittex nies ipokriti biex tinħeba warajhom! Imma ma tistax tinħeba wara xi ħaġa iżgħar minnek, għax anke jekk taf b’xi Kristjan xi ftit jew wisq ipokritu, l-ipokresija tiegħu maħfura u tiegħek mhix! Jerġa’, m’intix kontabbli għall-ipokriti, imma kontabbli tiegħek innifsek, u dan quddiem Alla! Mela ħallik mis-sifja f’għajn ħuk!

Talba: “Missier, assistini bil-grazzja u bl-operazzjoni tal-Ispirtu tiegħek biex immewwet fija dik id-dispożizzjoni vizzjuża illi nara l-ikrah, id-difettuż u l-ħażin f’ħaddieħor, mentri ma tantx nikkoppa bl-iżbilanċ u l-fallimenti morali tiegħi stess. Faċli nipponta sebgħi lejn sieħbi minflok ma nagħmel eżaminazzjoni tiegħi nnifsi! Aħfirli din l-attitudni pessma. Ħa nitgħallem infaħħrek għat-tajjeb li ninnota f’ħaddieħor filwaqt li nappellalek għall-ħniena minħabba d-dgħufija morali tiegħi. F’isem Ibnek Ġesù. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...