Skip to main content

Għadni ma Wasaltx

“Appena Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu, intefgħet ma’ saqajh u qaltlu, ‘Ja Sid, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut.’ Kif raha tibki, u l-Lhud li akkumpanjawha jibku magħha, Ġesù kien ikkommovat qatigħ fl-ispirtu u ddisturba ruħu. ‘Fejn qegħidtuh?’ staqsa. Qalulu, ‘Ja Sid, ejja u ara.’ Ġesù beka. Għalhekk il-Lhud qalu, ‘Ara kemm kien iħobbu!’ Imma xi wħud minnhom irrimarkaw, ‘Ma setax dal-bniedem, li fetaħ għajnejn l-għami, jagħmel li anke dan ma jmutx?’” (Ġwanni 11:32-37).

Ġesù jħoss għalina. Xerred id-dmugħ għat-telfa ta’ ħabibu. Kien ikkommovat wisq. F’ċirkostanzi hekk iebsa talab lill-Missier. Dgħajjef fl-umanità; setgħan fid-divinità. 

Min jaf x’ħass ukoll Lażżru kif ingħatatlu estensjoni ta’ għomru! U int, Kristjan, kif imissha ruħek titqanqal u tkun emozzjonat talli kont irxoxtat minn mewt fid-dnub għall-ħajja ta’ ġustizzja u mħabba. Swejt lis-Salvatur mhux biss id-dmugħ, mhux biss tnegħid u kommozzjoni. Swejtlu agunija, tortura lil hinn mill-ħsieb, sofferenzi lil hinn mill-espressjoni. Id-demm immakulat tiegħu xxerred minħabba fik, biex jipprokuralek il-ħajja eterna u jottieni s-salvazzjoni ta’ ruħek u ġismek. 

Tista’ tirrifletti dwar din l-imħabba mingħajr ma timmedita fuq il-miżerja tiegħek? Tirrealizza kemm kapaċi jkunu iebsa qlubna? U kemm huma affettwati ftit bl-imħabba illi Alla waħdu seta’ jagħnina biha? Ejja mela, tħeġġeġ u indem. Hekk Bin Alla jkun jerġa’ iktar glorifikat fik. Stqarr il-bruda tiegħek. Dur lejh għal bidu ġdid. Mhux se jarmik; żgur mhux se jaqta’ qalbu minnek. Ladarba kisbek għalih innifsu, itemm xogħlu fik. 

Talba: “Missier, l-għajta umli tiegħi hi biss, ‘Mulej, jien nemmen; għin in-nuqqas ta’ twemmin tiegħi.’ M’għadnix li kont, iżda żgurament għadni ma wasaltx. Għad fadal sfidi x’negħleb u muntanji x’nixxabbat. Titlaqnix waħdi, għax mingħajrek insofri biss disfatta. Nitolbok f’isem Ibnek Ġesù.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...