Skip to main content

Bil-Fidi

“Issa l-fidi hi l-assigurazzjoni tal-ħwejjeġ ittamati, iċ-ċertezza t’affarijiet li ma narawx. B’dil-fidi kienu rrikmandati n-nies fl-antik. Bil-fidi nifhmu li l-univers kien ifformat bil-kelma t’Alla, tant li l-ħaġa li naraw ma saritx minn ħwejjeġ viżibbli. Bil-fidi Abel offra ’l Alla sagrifiċċju aħjar minn Kajjin. Permezz tagħha kien mixhud li hu ġust, billi Alla xehed dwar l-għotjiet tiegħu. U permezz tal-fidi għadu jitkellem, avolja miet” (Ebrej 11:1-4).

Meta nirreferu dwar il-fidi, qegħdin ngħidu l-ħtieġa bażika li nilqgħu l-Iskrittura Mqaddsa bħala r-rivelazzjoni unika u suffiċjenti t’Alla. Il-Ħallieq tkellem b’diversi mod u f’perjodi varji permezz tal-profeti tiegħu. Inkuruna r-rivelazzjoni tiegħu bil-miġja ta’ Ibnu fostna, ix-xbieha perfetta u sħiħa tal-persuna tiegħu. 

Mela l-fidi tfisser temmen, abbażi tal-Bibbja, dak li ma rajtux personalment, u l-premju tagħha huwa illi għad tara u tgawdi dak li bħalissa temmen. Imqar il-ktieb sekondarju l-ieħor, il-ktieb l-istampi, ċoè l-ħolqien madwarna, li narah kontinwament, jgħallimni nafda fil-Kreatur għal dak kollu li ma rajtx. 

Mela, bħala bnedmin, nutilizzaw id-diversi fakoltajiet tagħna, għax dawn mogħtija lilna mill-Ħallieq twajjeb. Nużawhom mhux biex nabolixxu l-fidi iżda biex insaħħuha. Ir-raġuni, pereżempju, fejn qabel ġie li nqdejna biha biex niskużaw jew niddefendu dnubna, issa nħaddmuha favur il-fidi, u nagħrfu l-loġika tal-fidi, l-indispensabbiltà u l-istrumentalità tagħha biex tgħaqqadna mal-Feddej, li qalilna illi x-xogħol t’Alla huwa li nemmnu f’min bagħat (Ġwanni 6:29). Avolja ma rajniehx, nemmnu fih; avolja ma narawhx għalissa, niddependu fuqu u nħobbuh (1 Pietru 1:8). Għax il-fidi hi l-assigurazzjoni tal-ħwejjeġ li nittamaw fihom, il-prova jew l-evidenza tal-ħwejjeġ li ma jidhrux.

Talba: “Missier, grazzi mill-qalb talli tajtna illi nirrikorru lejn Ibnek Ġesù, nagħrfuh bħala Sidna u Salvatur uniku tagħna, u nafdawh għall-fidwa eterna tagħna. Aħfrilna talli għadna nagħmlu ta’ rasna, u nġibu ruħna ansjużi jew dubjużi, meta suppost niddependu fuqek għalkollox. Qawwielna l-fidi aħna ħalli nħarsu fiss lejn il-Blata tas-salvazzjoni tagħna.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...