Skip to main content

Ħafna Ħniniet

“Imbierek ikun Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-mogħdrijiet u Alla ta’ kull faraġ, li jfarraġna fl-afflizzjoni kollha tagħna, biex inkunu kapaċi nfarrġu ’l dawk fi kwalunkwe afflizzjoni bil-faraġ li bih aħna nfusna mfarrġin minn Alla. Għax bħalma joktru fina s-sofferenzi ta’ Kristu, hekk ukoll permezz ta’ Kristu joktor il-faraġ tagħna. Jekk aħna ttribulati, dan hu għall-faraġ u s-salvazzjoni tagħkom; jekk aħna mfarrġin, dan hu għall-faraġ tagħkom, li jipproduċi fikom saportu paċenzjuż tal-istess sofferenzi li aħna wkoll inbatu. U tamitna għalikom hi ferma, billi nafu illi bħalma intom partiċipanti fis-sofferenzi tagħna, hekk ukoll intom partiċipanti fil-faraġ tagħna” (2 Korintin 1:3-7).

Jekk jidhirlek li Alla qed jittardja bil-ħniniet tiegħu, iskot! Tikkritikax u tfexfixx! Ħaġa waħda agħmel: ibqa’ stennieh, għax ma jiddiżappuntax indefinittivament. L-orarju tiegħu hu differenti minn tiegħek, dak kollox. Appena tirrifletti tikka, tintebaħ illi t-tnikkir divin hu realment għall-vantaġġ tiegħek. Alla Missierna hu infinitament egħref minna lkoll!

Imħollijin waħidna, nagħmlu bħat-tfal: naqtgħu t-tuffieħa meta għadha ġandra; iżda meta tkun misjura, taqa’ bla intervent daparti tagħna. Tuffieħa misjura ttiegħem skwiżita u tagħmlilna l-ġid. Hekk ukoll il-ħniniet mis-sema huma skont l-orarju korrett: tiskurmentax ruħek. Anke jekk jidhirlek li tinsab fi kriżi serja: itfa’ l-hemm tiegħek fuqu. Wiegħed li jindokrak. 

Mill-bqija, gwaj għalina jekk nabbużaw mill-ħniena divina, li hi tagħna frott is-sagrifiċċju li wettaq Kristu għan-nom tagħna. Hija ispirazzjoni satanika ngħidu, “Nidinbu, għax Alla jaħfrilna.” Min joffendi ’l Alla proprjament għax jemmen fil-ħniena t’Alla, bla ma jqis x’sewa lil Ibnu biex qalgħalna l-ħniena, ultimament jirċievi ġudizzju mingħajr ħniena. Il-ħniena mhijiex għal dawk li jidinbu bla ma jibżgħu, imma għal dawk li jibżgħu illi jidinbu.

Lill-fidil, il-ħniniet jumiljawh. Lill-midneb jagħmluh kburi, għax konsistentement jaqleb il-barkiet t’Alla f’saħta għalih innifsu, sakemm finalment jitkisser bla fejqan. Mingħajr fidi m’aħniex kompetenti biex nixtiequ l-ħniena. Mingħajr umiltà m’aħniex kompetenti biex nirċevuha. Mingħajr affezzjoni m’aħniex lesti biex nivvalutawha. Mingħajr sinċerità m’aħniex kwalifikati biex napprezzawha u napprofittaw minnha. Il-ħniniet t’Alla huma daqstant kalamiti li jattiraw lejn il-Ġenna, jew inkella toqol li jgħarraq lir-reprobat fit-telfien. 

Meta Thomas Hooker kien fuq is-sodda tal-mewt, ħabibu qallu, “Ħija, dalwaqt tirċievi l-premju tat-taħbit tiegħek.” Il-moribond wieġbu, “Le, ħabib. Aktarx, dalwaqt se nirċievi ħniena.”

Talba: “Mulej, int iżżurna kull filgħodu bil-ħniniet tiegħek, u ġġeddidhomlna fil-fedeltà tiegħek. Kieku mhux hekk aħna bla tama, imsakkrin fil-ħtija u l-kundanna. Grazzi talli ħriftilna u aċċettajtna kif aħna, iżda nithennew meta nafu li ma tridx tħallina kif aħna. Naddafna, saħħaħna; agħmilna fwieħa ħelwa għalik.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...