Skip to main content

Diskriminazzjoni Divina

“Meta timtedd ma jkollox biża’; iva, meta timtedd ngħasek jiġik ħelu. La tibżax minn qtajja għal għarrieda, u lanqas mill-ħsara tal-ħżiena, meta tasal. Għax ikun maġenbek il-Mulej, u riġlek iħarislek li ma jinqabadx…Is-saħta tal-Mulej f’dar il-ħażin, iżda dar il-ġusti jberikha. Min irid jiddieħaq, hu jiddieħaq bih, iżda lill-umli jagħtihom il-ħniena. L-għorrief jirtu l-ġieħ, iżda l-għajb hu sehem il-boloh” (Proverbji 3:24-26,33-35).

Alla hu realment renjanti fuq it-tron tal-univers. Dan nistqarruh bil-fidi, speċjalment meta naraw l-anormalità u d-dissens morali minħabba d-dnub uman. Fil-Kredu nistqarru apertament illi Alla “jippremja t-tajbin u jikkastiga lill-ħżiena.” Allura meta Alla jżur il-bniedem bil-ġudizzji tiegħu, ma jkunx irid li niesu jallarmaw ruħhom. Jaf jiddistingwi bejniethom. Alla ma joħroġx biex jagħmel id-deni, iżda biex jiddefendi l-ġusti.

Iridhom juri kuraġġ. Il-fidili, marbuta miegħu b’patt solenni, igawdu xirka miegħu u allura jafu bil-preżenza tiegħu, avolja kultant ma jħossuhiex. Imisshom jesibixxu moħħ kalm billi jikkommettu l-kawża tagħhom f’idejh. Ladarba l-Mulej jista’ jiġi ħabta u sabta, m’għandhomx għalfejn ikunu sorpriżi minn xi avveniment għal għarrieda, hu x’inhu. Qalb serena fost is-sajjetti u t-tkarwit ta’ ħażen mhux mistenni hi tabilħaqq għotja ta’ mħabba divina.

Il-Mulej irid li l-magħżulin tiegħu juru diskriminazzjoni, biex jaraw u jifhmu illi t-tħarbit tal-ħżiena mhuwiex xi kalamità jew traġedja irreparabbli fl-univers. Id-dnub biss hu ħażin. Il-kastig mogħti għad-dnub hu bħal melħ li jippreżerva u jżomm is-soċjetà milli titħassar u tinten. Għandna nkunu wisq iżjed ixxokkjati mid-dnub li jistħoqqlu l-infern, milli l-Infern li rriżulta minħabba d-dnub.

Hekk ukoll, il-poplu t’Alla għandu jesibixxi kalma fl-ispirtu. Satana u nislu huma mimlijin qerq u ħażen sottili. Ħa ninviġilaw kull ħin u kull mument. Dawk li jimxu m’Alla ma jinqabdux fit-trappoli qarrieqa tagħhom. Għaddi ’l quddiem, Kristjan. Ħalli l-Mulej ikun il-konfidenza, it-tarka u t-torri qawwi tiegħek.

Talba: “Alla tagħna, fortizza u torri setgħan tagħna, għand min immorru jekk mhux għandek? Int il-bidu u t-tmiem, l-ewwel u l-aħħar. Int tajtna l-eżistenza tagħna; għarraftna l-ġmiel tal-qdusija tiegħek; qarribtna lejk bid-demm ta’ Ibnek Ġesù; wegħidtna wirt merfugħ għalina fis-smewwiet. Għaldaqstant żommna fit-triq id-dejqa, kif għallimna nagħmlu Ibnek stess; hekk biss naslu għall-ħajja eterna, il-ħajja reali, u l-foħrija tkun tiegħek waħdek.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

O Alla, Inqimek u Nadurak

“Għaldaqstant, neħħu kull ħmieġ morali u ħażen tant prevalenti, u bil-manswetudini ilqgħu l-kelma mħawla fikom, li kapaċi ssalva erwieħkom. Imma siru għammiela tal-kelma, u mhux sempliċement semmiegħa, altrimenti tilludu lilkom infuskom. Għax jekk xi ħadd hu semmiegħ tal-kelma u mhux għammiel, dan donnu raġel li jikkonsidra l-wiċċ naturali tiegħu f’mera: appena ħares lejh innifsu, telaq, u malajr nesa liema speċi ta’ persuna kien. Imma min jittawwal b’attenzjoni fil-liġi perfetta, il-liġi tal-libertà, u jkompli fiha, mhux isir semmiegħ li jinsa iżda jpoġġiha fil-prattika, dan se jkun imbierek f’għemilu” (Ġakbu 1:21-25). Prijorità numru wieħed: nitgħallem insir qejjiem. “Adoro Te.” Hi ċentrali, u kollox suppost jirrivolvi magħha, bħalma l-pjaneti jduru max-xemx. Attwalment mhuwiex hekk. Għad hemm x’wieħed jaqdef. Sakemm nibqgħu naduraw xogħolna b’tant impenn, u naħdmu b’tant serjetà fil-logħob tagħna, il-probabbiltà tkun li nibqgħu nilagħbu fil-qima tagħna. Frattant Alla Tr...