Skip to main content

Ilsien Jaqta' Daqs Xafra

“Fin-niket tiegħi sejjaħt lill-Mulej, u hu semagħni. Eħlisli lil ruħi, o Mulej, minn xofftejn giddieba, u minn ilsien qarrieq. X’se jingħatalek? Jew x’se jiżdiedlek, o lsien qarrieq? Vleġeġ misnunin ta’ gwerrier, bil-ġamar tal-ġummar. Jaħasra għalija, li ngħix barrani f’Mesek, u qiegħed ngħammar fit-tined ta’ Kedar! Ruħi għexet għal żmien twil ma’ dak li jobgħod is-sliem. Jien irrid is-sliem, iżda appena nitkellem, insibhom lesti għall-gwerra” (Salmi 120:1-7).

Hawn hu mleħħen l-appell tal-fidili għar-rilif minn sefsiefa u kalunjaturi, li jinqdew b’ilsienhom biex jagħmlu l-ħsara. Il-knisja t’Alla fuq l-art dejjem kienet bħal għasfur ta’ razza rari; l-isqra u l-avultuni dejjem sennew id-dwiefer kontra tiegħu. Id-dragun għadu jirsisti biex bl-għargħar ta’ fommu jibla’ lill-mara, li għaliha nstab refuġju fid-deżert mill-qilla straordinarja tal-forzi tad-dlam.

Das-salm, mela, hu attraenti qatigħ għal dawk il-fidili li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni fejn l-unika riżorsa li fadlilhom hi illi jaħarbu fi ħdan Alla, u jibku fuq ħobbu. Sikwit il-Kristjan iħares lejn ċittadini oħra għalxejn, jappella lil nies oħra fil-vojt, u inutli jgħajjat għall-mogħdrija. Taqtigħ minn barra u biżgħat minn ġewwa, b’nies vili jintefħu fuqu u jisħtu. It-twajba m’għandhom ebda rikors għal ebda qorti terrestri – ħlief li jirrikorru għand Alla. Madankollu t-tħannin u l-krib tagħna jasal quddiemu sakemm aħna mgħallma mill-Ispirtu tat-talb u tas-suppliki. 

Il-persekuzzjoni u l-maltrattament huma mezzi naturali li jqanqlu fina t-talb, imbasta jkunu mqaddsa għalina mill-Ispirtu t’Alla. Inċidentalment, meta wieħed iqis il-persekuturi, ma tantx jagħmlu sens. Jekk m’għandhomx aptit iservu lil Kristu, almenu jmisshom jitwarrbu fil-ġenb u jħallu nies oħra jservuh, bla ma jfixklu kapriċċjożament. Imma apparentement, il-mogħdija mondana hi li l-qaddisin mejtin ikunu mfaħħra, mentri dawk ħajjin ikunu persegwitati. Nies bla sens, li jqanqlu l-gwaj lit-twajba, għandhom ħabta jmorru mill-ħażin għall-agħar, sakemm ma tkunx il-grazzja li tarrestahom, biex bħal fil-każ ta’ Sawl ta’ Tarsu, dak li darba ħarbat u inġurja l-Fidi issa jippritkaha b’żelu u dedikazzjoni ammirabbli.

Talb ispirat, minfuħ fina mill-Ispirtu, qatt ma jiżvinta fl-arja. Jasal f’widnet il-Mulej. Iż-żmien u l-manjiera kif iweġibna huma f’idejh, imma ċ-ċertezza ta’ rilif minn odju inġust hija infallibbli. Ħabibek jista’ jkun imħawwad kif jaqbad jgħinek, imma Alla qatt mhu mifxul kif jeħles lil ħbiebu. Il-mezzi tiegħu huma varji; widnejh mhix truxa, u idu mhix paralizzata.

F’soċjetà bħal tagħna, fejn in-nies normalment ma tirrikorrix għall-vjolenza, swat, daqqiet u tħaġġir, il-valenu tal-ħżiena lejn il-ġusti jiġi mill-istess post tas-serpent: mill-ilsien. Huwa fatt li l-aktar karattru pur m’għandu ebda garanzija kontra t-tqasqis u l-kalunnja. L-Imgħallem tagħna u s-segwaċi ovvji tiegħu ġarrbu dat-tip ta’ trattament. Karattru bla ħtija sikwit jipprovoka lsien misnun kontra tiegħu, kif ukoll kitba xewwiexa kontra tiegħu.

Xi ħadd irrapporta lilll-poeta Tasso, karattru amikevoli tgħidx kemm, illi għadu malizzjuż kien qed ifesfes kontrih mad-dinja kollha. “Ħallih ikompli,” qallu Tasso. “L-odju tiegħu ma jweġġagħniex. Aħjar jitkellem kontrija mad-dinja kollha, milli d-dinja kollha titkellem miegħu kontra tiegħi.”

Talba: “Ma rridx, Mulej, illi bl-istess ilsien li nfaħħar lilek nużah għad-disprezz jew kalunnjar dwar ħaddieħor. U avolja meta ħaddieħor iweġġagħni bi lsienu, tħallinix nirritalja, iżda aktarx inbierku. Aktar minn hekk, nitolbok biex tagħtih l-indiema u tgħarrfu bis-salvazzjoni tiegħek. Nitolbok bil-merti ta’ Kristu Ibnek.”

Comments

Popular posts from this blog

Id-Drawwa

“Ġesù rritorna fis-setgħa tal-Ispirtu fil-Galilija, u r-rapport dwaru infirex mal-inħawi kollha. Hu għallem fis-sinagogi tagħhom, imfaħħar minn kulħadd. Mar f’Nażaret, fejn trabba, u skont id-drawwa tiegħu mar fis-sinagoga f’jum is-Sibt. U qam biex jaqra Tnewwillu l-iskroll tal-profeta Isaija. Fetaħ l-iskroll u sab il-post fejn kien hemm miktub: ‘L-Ispirtu tas-Sid fuqi għax unzjonani ħalli nxandar l-evanġelju lill-foqra. Bagħatni nipproklama l-liberazzjoni lill-ikkaptivati, u dawl mill-ġdid lill-għomja, nibgħat illiberati lill-oppressati, nipproklama s-sena favorevoli tas-Sid.’ Imbagħad gerbeb l-iskroll, raddu lill-attendent u ntnasab bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu ssommati fuqu, u beda billi qalilhom, “Illum twettqet din l-Iskrittura li għadkom kemm smajtu’” (Luqa 4:14-21).  Hu sinifikanti ħafna kif hawn jingħad illi Ġesù attenda l-qima fis-sinagoga “skont id-drawwa tiegħu.”  Id-drawwa, imħaddma tajjeb u bil-għaqal, fiha valur imprezzabbli. Issirilna t-tien

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis

L-Art Hi Tal-Mulej

“L-art tal-Mulej, u kulma fiha; id-dinja, u dawk li jgħammru fiha. Fuq l-ibħra għamel is-sisien tagħha, u fis-sod waqqafha fuq ix-xmajjar. Min jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej? Jew min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu? Min għandu jdejh indaf u qalbu safja; min ma jagħtix ruħu għall-frugħa, u lanqas jaħlef bil-qerq. Bniedem bħal dan ikollu l-barka tal-Mulej, u l-ħaqq minn Alla tas-salvazzjoni tiegħu” (Salmi 24:1-5).  Ir-rivelazzjoni speċjali tikkonvinċini dwar is-saltna universali, u s-saltna ta’ ġustizzja, sliem u ferħ fl-Ispirtu. Ladarba Alla Trinità ħalaq kollox skont ir-rieda tiegħu, mela d-dinja, dak kollu viżibbli u inviżibbli, huwa tiegħu! La oriġinatur, pussessur! Dal-pilastru tal-verità jeħtieġ jibqa’ bla mittiefes, altrimenti r-reliġjon tagħna tisfa materjalista. Il-Mulej huwa Kreatur, mhux għas-sebħ u l-unur ta’ xi razza partikolari, jew imqar għall-bnedmin, imma għalih innifsu, u sekondarjament għall-ġid u l-barka tagħna. Distinzjonijiet u privileġġi pekuljari, nazzj